Il-Ministeru għall-Ambjent ħabbar bejn l-24 u s-26 ta’ April tas-sena d-dieħla se tittella’ l-ewwel fiera agrikola nazzjonali li ġiet imwiegħda fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Il-fiera bl-isem Agri Fair 2020 se tittella’ fiċ-Ċentru tal-Konvenzjonijiet u l-Fieri l-MFCC f’Ta Qali u se tkun qed tiġbor taħt saqaf wieħed dawk kollha involuti fis-settur agrikolu sabiex jesponu l-prodotti lokali.
Bit-tema Farm-to-fork, raħħala, bdiewa, sajjieda u produtturi ser ikunu qed jgħarrfu l-pubbliku bil-proċessi kollha li permezz tagħhom il-prodotti agrikoli Maltin jaslu fuq il-mejda tal-ikel familji Maltin u Għawdxin.
S’issa huwa stmat li madwar 82 eżebitur ser jieħdu sehem f’din il-fiera li se ssir b’nefqa ta’ sitt mija u ħamsin miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw id-dettalji tal-fiera, Brian Vella mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib u Manuel Bartolo mill-Koperattiva għall-Ipproċessar tat-tadam qalu li din il-fiera se sservi biex tkompli tixpruna l-bejgħ tal-prodotti lokali Malti.
Vella stqarr: “Naħseb hija pjattaforma li ħa tagħti opportunitá lill-produtturi, lis-setturi wkoll li għandna f’pajjiżna fosthom il-produtturi tal-ħalib, biex jesponu l-prodotti li huma għandhom u fuq il-kunċett from stable-to-table jiġifieri hija xi ħaġa pożittiva mmens li għandhom din l-opportunitá.”
“Bħala bejgħ huwa nkoraġġanti ħafna jiġifieri l-poplu qed ifittxu ħafna. Dejjem aħna nipruvaw bis-saħħa ta’ hekk il-qliegħ għall-bidwi u li nippromwovu l-prodott”, spjega Bartolo.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Clint Camilleri stqarr li dan l-avveniment ser ikun ferm differenti minn dak tal-Imnarja fil-Buskett li jkopri l-element tradizzjonali tal-prodott Malti.
Huwa żied jgħid kif permezz ta’ din il-fiera produtturi lokali ser ikollhom l-opportunità li jesponu l-prodotti tagħhom ma’ produtturi internazzjonali li wkoll mistenniha jattendu għalih.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal: “Tista’ tkun a stepping stone biex produtturi lokali jittapjaw swieq ġodda.”