Lorin Scicluna u Francesco Fenech, iż-żewġ żgħażagħ mixlija bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, ingħataw il-ħelsien mill-arrest.
Scicluna li għandu 22 sena u Fenech li għandu 21 sena jinsabu mixlija li f’Mejju li għadda qatlu lil Lassana Cisse Souleymane mill-Kosta tal-Avorju waqt li kien miexi fi Triq it-Tiġrija f’Ħal Far.
Huma jinsabu mixlija wkoll bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġt irġiel oħra, wieħed mill-Guinea u l-ieħor mill-Gambja. Huma allegament sparaw fid-direzzjoni tagħhom fl-istess triq bil-konsegwenza li ġarrbu ġrieħi gravi.
Il-Pulizija temment li l-qtil ta’ Lassana kienu motivati minn mibegħda razzjali, l-ewwel tax-xorta tiegħu. Iż-żewġ suspettati ammettew mal-pulizija li ma kinux jafu lill-vittmi qabel ma sparawlhom f’April li għadda.
Id-difiża ta’ Scicluna u Fenech talbu għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati wara li nstemgħu x-xhieda kollha. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farruiga laqgħet it-talba tagħhom fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huma ġew ordnati wkoll jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-pulizija u ma joħorġux mid-dar bejn is-7.00 p.m. u s-6.00 a.m.
L-Avukati Franco Debono u Krist Busietta qed jidhru għal Sciluna waqt li Gianella Demarco and Stephen Tonna Lowell qegħdin jidhru għal Fenech.