Feliċ Delia ta’ 45 sena magħruf bħala Tal-Lantas u li joqgħod Wied il-Għajn ġie kkundannat 4 snin ħabs, wara li flimkien maż-żewġ uliedu, ammetta li ta n-nar karozza li kienet ipparkajata quddiem kantina f’Ħaż-Żabbar u li fiha jżomm diversi annimali.
Il-każ seħħ il-Ħadd fl-3:45 ta’ waranofsinhar, meta Delia intlemaħ jitfa’ likwidu li jaqbad madwar karozza ta’ koppja li kienet ipparkjata fi Triq id-Dejqa f’Ħaż-Żabbar. Miegħu kien hemm ibnu ta’ 17-il sena li ismu ma jistax jissemma’ u Stephen Fava ta’ 18-il sena.
Minkejja li ppruvaw jitkellmu miegħu bil-kelma t-tajba, ir-raġel ta n-nar lill-karozza li bħal leħħa ta’ berqa saret fjamma waħda.
In-nirien intfew minn membri tal-Protezzjoni Ċivili li ssejħu fuq il-post.
L-Ispettur Eman Hayman ressaq lil missier u ż-żewġ uliedu l-qorti u xliehom taw in-nar karozza tal-għamla Kia Picanto, li għamlu ħsara fuq il-ħwejjeġ ta’ ħaddiehor u kisru l-paċi pubblika.
Feliċ Delia ġie akkużat ukoll li pprova jweġġa’ żewġ persuni wara li xeħtilhom il-fjuwil fuqhom, filwaqt li kkaġuna ferita ta’ natura ħafifa fuq mara li hija waħda mill-vittmi f’dan il-każ. Dan meta marret biex tipprova tressaq il-karozza anke jekk kellha kull dritt tħalliha pparkjatha fejn kienet. Iżda kien kollu għalxejn.
Il-Maġistrat Simone Grech ikkundannat lil Feliċ erba’ snin ħabs u sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin fil-konfront taż-żewġ uliedu li qalu li għandhom sengħa.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-ħsara li saret wara li nħarqet il-karozza kienet tammonta għal €4,000. Il-ħatja ġew ordnati jħallsu dawn l-ispejjeż.
Il-Maġistrat Simone Grech ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin fil-konfront tal-vittmi.