Tliet kwarti tal-Maltin xtraw il-ħwejjeġ tagħhom u affarijiet sportivi minn fuq l-internet. Dan ħareġ minn studju tal-Eurostat li wera li Malta flimkien mal-Olanda, huma l-aktar żewġ pajjiżi Ewropej li jixtru ħwejjeġ u prodotti sportivi online.
L-istess statisitika turi li 67% tal-Maltn għażlu li jaqtgħu biljetti relatati ma’ safar minn fuq l-internet minflok irrikorrew għand l-aġenti tal-ivvjaġġar.
F’dan l-aspett, minkejja li m’aħniex fost l-aktar pajjiżi li għamilna użu mis-servizzi online, Malta xorta għandha rata t’14% ogħla mill-medja Ewropea.
Fejn jidħol xiri ta’ prodotti elettroniċi online, Malta kklassifikat fil-ħames post minn fost il-pajjiżi kollha Ewropej. F’dan is-settur, minflok marru fil-ħwienet, 31% tal-Maltin għamlu użu mill-internet sabiex xtraw oġġetti bħal mobiles, cameras u televixins.
Filwaqt li f’diversi setturi, il-Maltin kklassifikaw fost l-aktar nies li jagħmlu użu mill-internet għax-xiri tagħhom, mhux l-istess jista’ jingħad għax-xiri ta’ tagħmir domestiku u prodotti tal-ikel. F’din il-kategorija Malta ġie ikklassifikata fost l-anqas.
Il-Eurostat innota wkoll li l-aktar popolazzjoni Eworpea li tagħmel użu minn ħwienet online hija dik Daniża b’84% tad-Daniżi xtraw xi prodott online tul l-2018.
Min-naħa l-oħra, ir-Rumeni huma l-anqas pajjiż li għamlu użu mill-internet għax-xiri. Fil-fatt, huma 20% biss tal-poplu tar-Rumanija li għamel ix-xiri tiegħu online.
B’mod ġenerali, pajjiżna jinsab fin-nofs tal-klassifika Ewropea b’rata ta’ 54% li hija 6% anqas mill-medja Ewropea.