Raġel mill-Fgura mistennija jitressaq il-Qorti u jiġi mixli li l-Ħadd waranofsinhar ħaraq karozza ta’ familja wara li allegatament ipparkjat quddiem kantina li fiha jżomm diversi annimali.
L-argument seħħ għall-ħabta tal-3:45 meta r-raġel intlemaħ jitfa’ likwidu li jaqbad madwar karozza tar-residenti li kienet ipparkjata fi Triq id-Dejqa f’Ħaż-Żabbar. Fis-siegħa u l-ħin, minkejja li ppruvaw jitkellmu miegħu bil-kelma t-tajba, ir-raġel ta n-nar lill-karozza li bħal leħħa ta’ berqa saret fjamma waħda.
Hawnhekk, l-argument baqa’ jeskala tant li minn fuq il-bejt tas-sidien tal-karozza allegatament twaddbu xi qsari biex jaljenaw lill-aggressuri li kienu sejrin għall-mara. Mhux eskluż li waħda minn dawn il-qsari laqtet lill-aggressur. Fuq il-post waslu wkoll numru ta’ Pulizija li żammew tliet persuni sabiex jgħinuhom fl-investigazjonijiet tagħhom.
In-nirien intfew minn membri tal-Protezzjoni Ċivili li ssejħu fuq il-post.