Raġel li m’għandux saqaf fuq rasu tpoġġa fuq ordni ta’ probation wara li ammetta li prova jisraq minn ġo karozza li kienet ipparkjata.
Eman Ebejer ta’ 34 sena nqabad jisraq minn uffiċjal li jaħdem fil-faċilita korettiva ta’ kordin. L-uffiċjal ra lir-raġel jisraq minn karozza tal-ġarr tiegħu f’Ħal Qormi.
Il-każ ġara nhar is-Sibt għal ħabta ta’ 8:00 ta’ filgħaxija. Bl-uffiċjal fil-faċilità korettiva ta’ Kordin żamm lill-akkużat sakemm ġew il-pulizija u arrestawh.
L-Ispettur Roderick Agius akkuża lir-raġel li prova jisraq u li fil-pusses tiegħu kellu oġġetti ta’ valur li naqas milli jagħti spjegazzjoni dwarhom minn fejn ġabhom.
L-akkużat huwa riċediv u għandu rekord kriminali fuq akkużi ta’ serq. Huwa wieġeb ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu.
Il-Maġistrat Gabriella Vella qalet li sentenza ta’ ħabs mhix ideali għall-akkużat f’dawn iċ-ċirkostanzi. Hija ordnat sabiex ir-raġel jitpoġġa taħt ordni ta’ probation għal 3 snin.