B’investiment ta’ €100,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq 14-il pittura tas-seklu 17, fosthom sebgħa ta’ Giuseppe Calí u erbgħa ta’ Stefano Erardi, li jiddekoraw il-Bażilika tar-Rotunda tal-Mosta. Magħhom tnieda wkoll dokumentarju qasir li sar permezz tal-istess fondi Ewropej u li jippreżenta l-istorja tar-Rotunda tal-Mosta.
Ix-xogħlijiet inawgurati huma parti minn proġett komprensiv ta’ €2.2 miljun li għandu l-għan li jippreserva u jippromwovi l-wirt kulturali rikk ta’ pajjiżna permezz ta’ xogħlijiet simili fi 17-il lokalità madwar Malta kollha. Mhux biss fuq pitturi, iżda anke fuq dokumentazzjoni storika u artifatti oħra li jżewqu u jiddiversifikaw il-prodott turistiku fl-ibliet u fl-irħula tagħna.
Fil-fatt il-proġett, li qed jitmexxa mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta bi sħab mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, ikopri wkoll il-ħolqien ta’ heritage trail li jgħaqqad is-siti varji fejn saru l-intreventi bil-ħsieb li jattira aktar turisti lejn żoni inqas frekwentati.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis iddeskriva x-xogħlijiet inawgurati fil-Bażilika tal-Mosta bħala eżempju ħaj u idonju tas-suċċess li qed niksbu bl-użu tajjeb tal-fondi Ewropej. Suċċess mifrux fuq spettru wiesa’ ta’ oqsma, u li jikkumplimenta l-ħidma tal-gvern biex jixpruna l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
Dr Zammit Lewis żied illi x-xogħol metikoluż li sar fuq ir-rikkezzi ta’ Calí u Erardi fost oħrajn, ma kienx ikun possibbli mingħajr l-impenn tat-team eċċellenti ta’ uffiċjali fi ħdan il-Ministeru u d-dipartimenti tiegħu li ħadmu qatigħ biex Malta tassorbi l-fondi Ewropej kollha allokati lilha. F’dan ir-rigward, il-Ministru esprima d-determinazzjoni tiegħu li min-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Baġit Ewropew għall-perjodu li jmiss (2021-2027), inġibu l-aqwa pakkett possibli biex nikkonsolidaw il-ġid kollu li sar fl-aqwa interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Aaron Farrugia qal li permezz tal-użu tal-fondi Ewropej, qed inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajjja tal-Maltin u l-Għawdxin. Żied li aspett importanti mill-kwalità tal-ħajja huwa l-għarfien u l-apprezzament lejn il-wirt kulturali tagħna. Dan, qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia, jatina sens ta’ identità li hija importanti ħafna biex nifmhu aħjar minn fejn ġejna u biex nibnu fuq dak li ħallewlna missirijietna.
Is-Segretarju Parlamentari qal li b’ħidma f’dan is-sens, intejbu wkoll aspetti oħra importani għall-aqwa għajxien tagħna, fosthom it-turiżmu. Huwa temm billi saħaq fuq l-impenn tiegħu biex pajjiżna jassigura s-sostenibilità f’dan is-settur li huwa kontributur ewlieni għall-ekonomija Maltija.