Matul iż-żminijiet, omm Alla ġiet imsejħa u mżejna b’diversi titli fir-reliġjon Kattolika.
Wieħed minn dawn it-titli bikrija kien dak ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, festa iċċelebrata llum, mhux biss f’ibliet bħal Bormla imma anke minn nies ta’ fidi madwar id-dinja.
Matul iż-żminijiet, it-titlu ta’ Marija Immakulata ġie diskuss fit-tul min diversi għorrief u kittieba. Kien il-Papa Piju IX li wara ħafna studju u riċerki, nhar it-8 ta’ Dicembru 1854, ħareġ f’San Pietru u ddefinixxa d-Domma ta’ l-Immakulata, li biha ġie deċiż li Marija lanqas għal waqt wieħed biss ma setgħa jkun li tiċċappas mad-dnub.
L-attendenza għall-festa tal-Immakuata Kunċizzjoni f’Bormla mistennija tkun waħda kbira. Festa unika mhux biss għax tkun iċċelebrata fix-xitwa iżda wkoll għaliex hija partikolarment magħrufa għall-festi ta’ ġewwa u n-novena li tant hija għal qalb dawk kollha li jattendu.
Minbarra f’Bormla, li tinsab armata sa ruħ ommha, din il-festa tiġi iċċelebrata wkoll fil-Ħamrun, fl-Imqabba, Bengħisa u anke fil-Qala u r-Rabat Għawdex.