Il-każijiet ta’ HIV f’pajjiżna żdiedu b’mod sostanzjali fl-aħħar snin. Madanakollu, l-aħħar imwiet relata ma’ dan il-virus jew il-marda tal-AIDS f’Malta kienet tliet snin ilu.
Dan joħroġ minn ċifri tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Fil-fatt, filwaqt li fl-2015 u fl-2016 kien hemm 117-il każ ta’ HIV – kienu biss tnejn il-fatalitajiet kawża ta’ dan il-virus. Dan filwaqt li minn seba’ każijiet ta’ AIDS fl-istess żmien erbgħa minnhom wasslu għall-mewt.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li t-tnaqqis fl-imwiet mill-HIV huwa dovut għall-fatt li iktar nies infettati qed jirrikorru għat-trattament kmieni, qabel mal-virus jiżviluppa fil-marda tal-AIDS – fejn hemmhekk jaf ikun tard wisq biex tkun salvata l-ħajja tal-persuna marida, kif tixhed l-istatistika.
Saħqet ukoll li minkejja li l-ikbar ammonti ta’ każijiet ta’ HIV joriġinaw minn irġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel, fl-aħħar żmien ġiet innotata żieda fil-każijiet minn koppji eterosesswali.
“Bdejna naraw żieda ta’ persuni li qegħdin ibatu bl-HIV. L-ikbar żieda kienet f’dawn l-aħħar ħames snin pero qegħdin naraw sitwazzjoni li sforz it-trattament li qegħdin noffru aħna qegħdin naraw li dawn in-nies li jkollhom l-HIV jiġu llinkjati mal-ewwel mat-trattament allura in-nies mhux qed imorru għal AIDS. Jekk bniedem imur għal AIDS hemm ċans kbir li jkun fatali. Għalhekk is-sitwazzjoni f’Malta hija li m’għandniex iktar każijiet ta’ nies b’HIV li jmutu għax ikunu bdew kmieni fuq it-trattament.” Saħqet Gauci.
Spjegat ukoll li qed tkompli ssir ħidma intensiva dwar għarfien u prevenzjoni minn dawn il-mard li jattakka l-immunità tal-ġisem u jrendu l-bniedem iktar vulnerabbli lejn il-mard – minn sempliċi riħ sa mard serju bħall-kanċer.
“L-ewwel binarju huwa fuq il-prevenzjoni fejn aħna ninkoraġġixxu li jkun hemm użu tal-protezzjoni biex il-virus ma jittiħidx minn persuna għall-oħra u importanti ħafna wkoll li jkun hemm l-edukazzjoni li tkun available għall-etajiet kollha u anke li inti jkollok dak is-sapport minn-nies li jkunu qegħdin f’riskju.” Kompliet tispjega Gauci.
Hekk kif l-iktar mod komuni ta’ tixrid tal-virus jibqa’ l-kuntatt sesswali mingħajr protezzjoni, il-Professur Gauci appellat biex wieħed jersaq għat-testijiet regolarment.
Spjegat li llum il-persuna jista’ jkollha riżultat ftit sigħat biss wara li jsir it-test. F’każ li jkun hemm il-virus preżenti, jiskatta trattament li eventwalment jikkontrolla l-HIV u li jħalli l-bniedem ikomplu b’ħajtu.
“L-appell tagħna huwa li nużaw il-prevenzjoni, li aħna wkoll jekk għandna suspett niġu biex nagħmlu t-testijiet għax jekk inti tinstab li inti HIV positive għandna trattament li nistgħu noffru biex hekk persuna jibqa’ jista jgħix ħajja normali bl-HIV.” Ikkonkludiet.