Fi żmien il-Milied ħafna tfal jibdew joħolmu dwar dawk l-affrijiet li jixtiequ jaqilgħu għall-Milied. Madankollu mhux kull tifel u tifla għandha x-xorti li tqatta’ l-Milied mal-familja tagħha u mhux kull xewqa tkun għal ġugarelli ġodda jew għal apparat elettroniku.
Eman Galea, ħaddiem soċjali li jaħdem mat-tfal li jkunu taħt ordni ta’ ħarsien spjegalna li x-xewqa tal-Milied għal tifla partikolari huwa li taqla’ rigali li jfakkruha fil-familja hekk kif dan se jkun l-ewwel Milied tagħha ‘l bogħod mid-dar.
Din it-tifla kienet fost il-mijiet ta’ tfal oħra li għas-sitt sena konsekuttiva se jkunu qed jaqtgħu xewqithom permezz ta’ Childrens’ Dreams.
Il-kordinatriċi taċ-Childrens’ Dreams, Remenda Grech spjegat li sa issa diġà inġabru 45% tax-xewqat tat-tfal. Hija appellat sabiex fil-jiem li ġejjin dawk kollha li wegħdu li se jaqtgħu xewqa ta’ xi tifel jew tifla imorru bir-rigal għand Childrens’ Dreams.
Galea sostna li f’ċerti ċirkostanzi mhux dejjem ikun possibbli li t-tfal iqattgħu l-Milied mal-familja u Childrens’ Dreams qed jgħinu sabiex itaffu mill-weġgħa ta’ dawn it-tfal.