Tifel ta’ ħames snin mill-Istat Amerikan ta’ Michigan stieden lill-klassi kollha tiegħu biex ikunu miegħu fil-mument li l-Qorti tiddikjara li huwa uffiċalment ġie adottat.
Ritratt li nxtered fuq il-midja soċjali minn Kent Country Court seraq il-qlub madwar id-dinja, hekk kif juri liċ-ċkejknek Michael jistenna s-sentenza bil-ħerqa biswit il-ġenituri l-ġodda tiegħu. Warajhom, sħabu tal-klassi pronti pronti jagħtuh l-appoġġ.
F’kummenti lill-midja, l-għalliema tal-klassi qalet li t-tfal riedu jkunu parti minn dan il-kapitlu importanti għal Michael għaliex fi kliemha dejjem imxew bħala familja.
Mal-għoti tas-sentenza tal-adozzjoni, it-tfal tal-klassi infexxew f’għajjat u ċapċip, hekk kif sa fl-aħħar Michael sab il-familja li dejjem kien ħaqqu.