L-istaġun tax-xitwa jidher li se jkun wieħed bieżel għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif f’xahar wieħed biss ra żieda ta’ 8.7% fil-moviment tal-passiġġieri meta mqabell mal-istess xahar tal-2018.
Fi stqarrija, l-ajruport qal li f’Novembru għaddew b’kollox 493,201 passiġġier, grazzi għal żieda fl-attività tal-ajruplani u n-numru ta’ postijiet vakanti fuq it-titjiriet. Fl-istess ħin kien innutat li s-Suq Ingliż baqa’ l-aktar wieħed popolari, segwit minn dak Taljan, Ġermaniż, Franċiż u Spanjol. It-tmexxija tal-ajruport qalet ukoll li dan it-tkabbir huwa frott l-introduzzjoni ta’ destinazzjonijiet ġodda bħal Trieste u Santiago de Compostela.
Din ix-xitwa l-ajurport nieda wkoll rotot ġodda għas-Serbja u lejn Paphos f’Ċipru. B’kollox, ir-rotot il-ġodda tal-ajruport rriżultaw f’10,460 moviment ta’ passiġġieri fih tul Novembru kollu.