Is-6 ta’ Diċembru – Jum San Nikola, jew kif ħafna jafuh- Santa Klaws. San Nikola sar magħruf ukoll bħala Missier il-Milied hekk kif tul ħajtu qassam ir-rigali bil-moħbi matul il-lejl. Fosthom lil tliet tfajliet fqar li minflok ħalliehom jitlajjaw, tahom borża bil-flus biex setgħu jiżżewġu.
Lebsien ta’ abbatini, qassasin, tal-Granmastru Hompesch u ta’ San Nikola, it-tfal mill-iskola primarja tas-Siġġiewi ħarġu proċessjonalment bi statwa ċkejkna bil-patrun tas-Siġġiewi, San Nikola.
Il-purċissjoni bdiet mill-iskola primarja sal-pjazza tar-raħal quddiem il-knisja. Biex ikomplu jżidu mal-ispirtu ta’ festa, iż-żewġ baned Siġġiwin akkumpanjaw il-purċissjoni b’diversi marċi brijużi.
L-Arċipriet tal-Paroċċa tas-Siġġiewi Fr Josef Mifsud qal kif l-innoċenza tat-tfal qed tiċċelebra lill-patrun tagħhom, li matul ħajtu għen lil ħaddieħor. It-tfal li ħadu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni qalu ma’ ONE News li kienu fis-seba’ sema jerfgħu l-istatwa tal-patrun tagħhom.
Il-purċissjoni bl-istatwa ċkejkna ta’ San Nikola ntemmet fil-pjazza tar-raħal quddiem il-Knisja ddedikata lill-istess patrun, bl-atmosfera kienet waħda brijjuża b’ħafna mit-tfal iwaddbu l-karti lil xulxin.