Ħaddiem ta’ tnejn u erbgħin sena li joqgħod Ħal-Qormi qiegħed isoffri minn ġrieħi gravi wara li ntlaqat minn vettura f’impjant fi Triq il-Magħtab, fin-Naxxar.
Il-kaz seħħ il-Ħamis għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ waranofsinhar meta Compactor misjuq minn raġel ta’ 64 sena mill-Fillipini u li joqgħod il-Pieta’, irriversja b’konsegwenza li laqat lir-raġel li kien qiegħed wieqaf bilqiegħda ġo trakk ta’ tip Daf.
Il-ħaddiem li jaħdem mal-Wasteserv ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post u wara ttieħed l-isptar Mater Dei għal aktar kura.
Sabiex jassistu fl-operazzjoni kien hemm membri mid-Dipartiment tal-Portezzjoni Ċivili u membri mill-Korp tal-Pulizija.
Fi stqarrija l-Wasteserv qalet li qiegħda ssegwi mill-qrib il-kundizzjoni ta’ saħħet il-ħaddiem u qiegħda tikkollabora mal-awtoritajiet ikkonċernati dwar il-każ.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.