It-Tim Nazzjonali tal-irġiel taċ-ċikliżmu pparteċipa fit-12-il ċiklu ta’ ċikliżmu bejn ajruporti organizzat mill-Università tat-Tuneżija bi sħab ma’ l-avjazzjoni ċivili u l-ajruporti Tuneżini.
It-tiġrijiet kollha flimkien kienu fuq distanza totali ta’ 708 km maqsuma f’ħames stadji li bdew minn quddiem l-ajruport ta’ Kartaġni f’Tuneż nhar it-Tlieta, 12 ta’ Novembru 2019, u spiċċaw fis-16 ta’ Novembru f’Jerba.
It-tim Nazzjonali Malti li kien iffurmat minn Etienne Bonello, Maurice Formosa, Christian Formosa, Jason Vella, Clive Bugeja u Clive Ebeje. Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni mexxa l-grupp. Huwa kien assistit minn Charles Sammut, mekkanik u mill-fiżjoterapista Darren Abdilla.
Din l-ġimgħa mpenjattiva bdiet minn Tunis sa Monastir fuq distanza ta’ 117 km f’temp kollu xita li għamel din it-tiġrija ferm diffiċli għaċ-ċiklisti kollha. It-tieni tappa kienet minn Monastir – Sfax fuq distanza ta’ 145 km. It-tielet tappa fuq distanza ta’ 104 km saret bejn Gafsa – Tozeur filwaqt li r-raba’ waħda kienet minn Tozeur sa Douz għal 124 km. Il-ħames u l-aħħar tappa tat-Tour saret minn Matmata sa Djerba fuq distanza ta’ 162 km.
Fil-klassifika ġenerali l-ewwel Malti kien Christian Formosa li spiċċa fit-23 post. F’pożizjonijiet oħra warajh spiċċaw Clive Ebejer u Clive Bugeja. Iċ-ċiklisti l-oħra ntlaqtu minn inċidenti separati fejn kemm Etienne Bonello u Maurice Formasa kellhom inċidenti waqt it-tieni tappa li kienet minn Monastir sa Sfax, b’Bonello ikolli jittieħed l-isptar fejn saruli xi punti f’irkoptu u b’hekk kellu jabbanduda it-Tour. Maurice Formosa f’waħda mill-waqgħat li kien hemm, ġarrab ħsarat kbar fir-rota tiegħu. Jason Vella kellu jabbanduna wkoll it-Tour minħabba li ħassu ma jiflaħx fl-aħħar ġurnata.
Dan it-Tour intrebaħ mill-Alġerin Yacine Hamza, b’sieħbu tal-istess Nazzjonali Alġerina Oussama Cheblaoui jispiċċa warajh. Fit-tielet pożizjoni spiċċa Khaled Kammoun tat-tim Nazzjonali tat-Tuneżija.