Il-Prim Ministru Joseph Muscat appella biex dawk kollha li jappoġġjawh ma jattendu għall-ebda attività li nħolqu minn individwi fuq facebook u li mhumiex organizzati mill-Partit Laburista.
F’intervent fuq ONE RADIO, Dr Muscat wera l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li wriet lejh ġemgħa kbira ta’ nies li lbieraħ inġabret fil-Ħamrun b’sinjal ta’ appoġġ.
Madankollu huwa wera x-xewqa li dawn il-manifestazzjonijiet ma jsirux.
Huwa ħabbar li l-Ħadd li ġej se jibda jżur u jiltaqa’ man-nies flimkien mal-familji fin-Naxxar, Ħaż-Żebbuġ u Raħal Ġdid.
Il-Prim Ministru qal li jixtieq jiltaqa’ man-nies f’dawn il-laqgħat f’atmosfera familjari fejn jista’ jgħid grazzi lil kull min tah l-appoġġ tiegħu f’dawn is-snin.