Raġel mill-komunità Dalit fl-Indja tħanxritlu rasu, filwaqt li martu tbiċċret tant li tilfet ħajjitha. Dan kollu wara ġlieda fuq 15 rupees – ċioe 20 ċenteżmu tal-ewro.
Il-Pulizija kkonfermat li l-koppja nqatlu minn sid ta’ grocer li huwa ta’ klassi soċjali aktar superjuri, wara li r-raġel qallu li għandu bżonn aktar żmien biex iħallas ta’ pakkett gallettini li xtara minn hemm, għat-tlett itfal tiegħu. Id-delitt seħħ kmieni fid-distrettt ta’ Mainpuri, meta l-koppja kienu sejrin lejn ix-xogħol. Kien hawn li s-sid, li jismu Ashok Mishra, beda jitlob il-flus akkost ta’ kollox. Kien għalxejn li l-koppja spjegawlu li kienu se jitħallsu aktar tard il-Ħamis stess, u b’hekk setgħu iħallsu lil tal-ħanut.
Sid il-ħanut jinsab arrestat, tad-delitt li wettaq fuq dawn in-nies mill-komunità Dalit, meqjusa bħala l-aktar baxxa fis-soċjetà Indjana.
Il-komunità Dalit qed tipprotesta bil-qawwi.