Fil-bidu tal-laqgħa tal-grupp parlamentari Laburista, il-Prim Ministru ħabbar li wara l-aħħar żviluppi fil-Qorti, Chris Cardona mil-lum irritorna bħala Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
Chris Cardona kien issospenda lilu nnifsu nhar it-Tlieta u kien saħaq li m’għandu assolutament l-ebda rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dr. Cardona kien qal li għamel dan sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet u l-proċeduri li kienu għaddejjin.
Il-grupp parlamentari Laburista irringrazzja wkoll lil Helena Dalli li temmet il-mandat parlmentari tagħha biex issa inħatret Kummissarju Ewropew.
Intant fi stqarrija l-Ministeru għall-Ekonomija, Investimenti u Negozji ż-Żgħar kkonferma kif Dr Chris Cardona se jerġa’ jassumi l-kariga tiegħu bħala Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-Żgħar b’mod immedjat, wara l-iżviluppi li seħħew fl-investigazzjonijiet. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjoni mal-Prim Ministru.