Ertirean ta’ 25 sena inqatel tard il-Ġimgħa filgħaxija b’diversi daqqiet ta’ mqass fi Triq Diċembru Tlettax, fil-Marsa.
Il-katavru tiegħu nstab mill-pulizija f’għadira demm għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ bil-lejl b’għadd ta’ feriti f’sidru.
Immedjatament fuq il-post marru bosta taqsimiet tar-Rapid Intervention Unit li bdew bi tfittxija immedjata tal-qattiel.
Fuq il-post il-pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett sabu xena mill-aktar makabra bil-vittma mixħut mejjet għal tulu fl-art.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li mill-awtopsja li saret fuq il-katavru s-Sibt filgħodu qiegħda tqis il-każ bħala omċidju.
Dwar il-każ ġie informat il-Magistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ordna inkjesta u ħatar diversi esperti biex jgħinuh. Fi stqarrija tard is-Sibt filgħaxija l-Pulizija qalet li qed iżżomm raġel mis-Sudan biex jgħin fl-investigazzjoni.
Ritratti: CMRU