Fuq ix-xandir nazzjonali kompliet toħroġ fid-deher il-qasma fil-Partit Nazzjonalista wara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien kostrett jirtira d-dimostrazzjoni tal-Ħadd minħabba ġlied intern.
Mistoqsi waqt il-programm Dissett dwar l-għagħa li qam wara li ħabbar li jrid jorganizza protesta l-Ħadd, Puli pprova jmewwet il-fatt li kien kostrett jirtira dini l-protesta minħabba l-ġlied intern
Il-Preżentatur stqarr: “Illum stess, illum qegħdin nitkellmu, kważi kważi wrejtu li m’għandkomx strateġija għaliex filli ħa ssejħu protesta, imbagħad kien hemm eku u qamu għagħ illi din il-protesta mhux se tkun tajba u mhux ideali li tagħmlu l-protesta u rtirajtu minnha, jiġifieri din turi daqxejn ta’ li m’hemmx viżjoni, m’hemmx strateġija kompleta fiha din.”
Puli wieġeb: “Mela l-ewwel nett jien m’għedtlek li l-għaqda tagħna hija kwistjoni ta’ strateġija.”
Meta mistoqsi kif il-Partit Nazzjonalista spiċċa nqasam anke dwar kawża li suppost jaqblu dwarha, Puli wieġeb hekk:
Il-Preżentatur staqsa: “Għax jekk aħna qegħdin front wieħed fuq ħaġa, għaliex għandna ninqasmu fuq din?”
Filwaqt li Puli wieġeb: “Isma’ le ma naħsibx, le.”
Fil-fatt Delia daqq l-irtirata dwar il-protesta wara li n-nies ta’ Simon Busuttil, inkluż is-sieħba tiegħu Kristina Chetcuti ħarġu jattakkaw bil-qawwa id-deċiżjoni li ħa li jorganizza l-protesta.
Fi kliemhom Delia u l-Partit Nazzjonalista mhumiex kredibbli biex jorganizzaw din id-dimostazzjoni.
Tul il-programm, Puli deher skomdu għall-aħħar iwieġeb dwar Simon Busuttil u l-ispazju li qed jingħata mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Preżentatur reġa’ staqsa: “Offrejtulu programmi u ma marx, qed nifhmek sew?”
Puli tenna: “Jagħżel fejn iħoss li komdu jmur.”
Mistoqsi dwar il-fatt li l-fazzjoni ta’ Delia mhix milqugħa min-nies li qed jattendu għall-protesti ta’ Occupy Justice u Repubblika, Puli qal li kien erba’ minn nies li bdew jibbuwjawhom.
Meta l-Preżentatur staqsa: “Però mbagħad intom m’intomx milqugħin, inti u Delia m’intomx milqugħin, rajnihom jibbuwkjawkom xħin ħriġtu.”
“Le l-ewwel nett naħseb jiena kien hemm sezzjoni żgħira, l-ewwel nett hemm għaqdiet differenti illi għandhom ideoloġiji differenti. Le le le le, hemm għaqdiet differenti.”
“Jiġifieri koalizzjoni ta’ konfużjoni din?”
Huwa kompla jgħaddi kummenti dispreġjattivi fuq dawk li kienu għall-protesta.
Puli sostna: “Ovvjament hemm faxxa li kienet relattivament żgħira imma għamilna dil-protesta kollha kontra l-Gvern u għax kien hemm erbgħa għaddew kumment jew x’jismu imbagħad f’daqqa waħda saret li kien hemm xi protesta kontra Adrian Delia.”
Mistoqsi jikkundannax l-inċidenti vjolenti fil-protesti li ġabu wkoll il-kundanna ta’ bosta, fosthom anki tal-assoċjazzjoni u l-unjin tal-pulizija u l-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Puli pprova jmewwet dawn l-inċidenti. Meta qal: “U le uwejja. Isib, isib xi xagħra fl-għaġina x’imkien u jakkużalek kollox u qed issir vjolenza kontrina, uwejja.”
U flok sejjaħ għall-kalma hekk kif appellaw bosta korpi kostitwiti, Puli qal li ma jeskludix li disubbidjenza ċivili.
Il-Preżentatur ta’ Dissett tenna: “U dis-ubbidjenza ċivili”
“Ma neskludu xejn.”
“Sal-liema punt?”
Għal din il-mistoqsija, Puli wieġeb: “Ma neskludu xejn.”
Fil-programm ġie intervistat ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li rrimarka dwar il-pass bla preċedent li ħa l-Prim Ministru biex jissolva l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dr Fearne stqarr li “Illum il-prijorità hi li nsolvu dan il-każ u l-Prim Ministru juża l-għodod kollha, inkluż proklama biex jasal għal min ordna dan il-każ hija deċiżjoni kurraġġuża.”
Chris Fearne wera tabilħaqq kif l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.
Il-Deputat Prim Ministru sostna: “U jien nispera issa li dawk in-nies illi kienu jgħidu li l-istituzzjonijiet ma jaħdmux u marru jduru mal-Ewropa jxewxu kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, kontra l-Qrati Maltin u kontra l-Pulizija, għada, minn għada jerġgħu jmorru fejn kienu u jgħidu iva l-Kummissarju huwa serju, il-pulizija qegħdin jaħdmu, qegħin iġibu r-riżultati, mhux qegħdin iħarsu lejn wiċċ ħadd, illi Malta hemm ir-rule of law.”