Il-qorti ordnat lill-midja nazzjonalista sabiex tippubblika dritt ta’ risposta li l-eks chief of staff ta’ Austin Gatt – Manuel Delia naqset milli tippubblika wara li għajritu giddieb.
Id-deċiżjoni ngħatat fl-istess waqt li kompliet tissokta fil-beraħ il-qasma bejn il-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia u l-fazzjoni tal-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil.
Il-każ seħħ f’Lulju tas-sena li għaddiet meta Net News ippubblika storja li fiha sejħu lil Manuel Delia bħala giddieb.
Manuel Delia bagħat dritt għar-risposta lill-midja nazzjonalista sabiex jiddefendi ruħu minn akkuża li għamlitlu l-midja nazzjonalista. Madankollu l-midja nazzjonalista baqgħet ma ppubblikathiex.
Għaldaqstant, Delia fetaħ kawża kontra l-editur Robert Cremona, l-eks kap tal-programmi Fabian Demicoli u l-eks kap ezekuttiv Pierre Portelli.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat lill-midja nazzjonalista jippubblikaw id-dritt tar-risposta ta’ Manuel Delia u mmultathom ħames mitt ewro.