Bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart fl-Iskola Primarja tax-Xewkija fil-Kulleġġ ta’ Għawdex, l-Onor. Dr Justyne Caruana, Ministru għal Għawdex, inawgurat is-sistema ta’ reverse osmosis, proġett li dan l-aħħar iffinanzja l-Ministeru għal Għawdex.
Fl-aħħar sena skolastika, il-membri tal-Kumitat tal-Ekoskola flimkien mal-SMT nidew proġett biex inaqqsu mill-aħjar li jistgħu l-użu tal-plastik. Dan kien issapportjat mid-Direttorat ta’ Eko-Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li pprovda wkoll lill-iskola fliexken stainless steel. Il-Kunsill Lokali tax-Xewkija emmen f’dan il-proġett u għen ukoll bl-istampar ta’ basktijiet
tad-drapp għal min imur jixtri. Dawn ingħataw b’xejn kemm lill-istaff u kemm lill-istudenti.
Il-Ministru Caruana faħħret l-isforzi bla heda tal-Iskola tax-Xewkija fid-determinazzjoni tagħha li ssaħħaħ il-prattika tajba ta’ kuxjenza ekoloġika fost l-istudenti u l-istaff. Dawk kollha involuti fi ħdan il-komunità lokali wkoll qed jagħtu s-sehem tagħhom. Skejjel oħra mistennija jimxu fuq il-passi tal-Iskola Primarja tax-Xewkija u jibbenefikaw minn proġetti simili tar-reverse osmosis bl-għajnuna tad-Direttorat Eko-Għawdex. Fil-futur qarib, l-Iskola se tniedi wkoll proġetti pilota oħra ta’ natura ambjentali.