Il-midja Awstraljana qed takkuża lil Kardinal Awstraljan George Pell li abbuża tfal sesswalment. Il-Kardinal minn naħa tiegħu qed jisħaq li dawn l-akkużi ma huma xejn ħlief kampanja skandaluża li tħammeġ.
Dettalji tal-allegat inċidenti kienu mxandra fuq program tal-Australian Broadcasting Corporation. Il-pulizija ta’ Victoria kkonfermat li qed tinvestiga d-diversi allegazzjonijiet kontra l-kardinal.
L-uffiċju ta’ Pell qed jiċħad kull allegazzjoni kontrih b’rabta ma’ abbuż sesswali.
Żewġt irġiel, li llum għandhom iktar minn erbgħin sena, kienu allegaw li huwa misshom b’mod mhux xieraq. Dan billi qabadhom mill-parti ta’ ġisimhom bejn il-koxxa u ż-żaqq biex jgħollihom fl-arja waqt li kienu qed jgħumu.
F’inċident separat, raġel qal li raha vera stramba meta sab lill-kardinal għarwien quddiem tlett subien fiċ-changing rooms ta’ klabb lokali tas-surfing.
L-Australian Broadcasting Corporation irrappurtat ilment ieħor fid-disgħinijiet li nvolva żewġ subien tal-kor. Wieħed minnhom leħaq miet, iżda l-ebda dettalji ma kienu provduti.