Il-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu fissret bħala żball id-deċiżjoni tal-Istitut tal-Ġurnaliżmu Maltin l-IĠM li jissospendi r-rappreżentanti tiegħu mill-Bord tal-Fondazzjoni u ttamat li jirrikonsidra l-pożizzjoni tiegħu.
Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li m’għandha l-ebda dell ikrah fuqha, u hija indipendenti kemm legalement u kemm fil-fatt.
Żiedet tippreċiża li ż-żewġ rappreżentanti tal-IĠM li ġew “sospiżi”, kienu diġà rriżenjaw mill-Kunsill u għalhekk qalet li din is-sospensjoni hija vojta.
Ingħad li l-Familja ta’ Tumas Fenech, li tat is-sostenn tagħha lill-Fondazzjoni matul is-snin, ma tistax titqies li hi ta’ min jevita li jkollu kuntatt magħha minħabba li membru tal-familja tagħha jinsab investigat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galisa.
Il-Fondazzjoni qalet li tifhem l-indinjazzjoni tal-IĠM, iżda tenniet li l-pass li ttieħed huwa fid-direzzjoni żbaljata, u ttamat li tinduna li r-rappreżentanti tagħha għandhom ikomplu jaħdmu mal-Fondazzjoni fit-twettiq tal-iskop waħdieni tagħha: dak li tkabbar l-edukazzjoni tal-ġurnalisti.