L-ammont ta’ persuni li qagħdu f’lukandi jew tip ieħor t’akkomodazzjoni kollettiva żdied b’1.8% fit-tielet kwart ta’ din is-sena, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li bejn Lulju u Settembru li għadda kien hemm qrib is-600,000 ruħ li qagħdu f’lukandi fost l-oħrajn.
Dan filwaqt li l-iljieli li qattgħu qabżu t-tliet miljun u mitejn elf.
L-ikbar ammont ta’ iljieli li tqattgħu minn persuni kienu f’lukandi ta’ 4 stilel.
Fil-fatt fit-tielet kwart tas-sena l-iljieli f’lukandi ta’ 4 stilel ammontaw għal ftit aktar minn miljun u nofs, li jfisser kważi n-nofs tal-iljieli kollha rreġistrati.
L-ammont medju ta’ ljieli li qattgħu persuni f’lukandi laħqet ftit aktar minn ħamest iljieli.
F’Malta biss l-ammont ta’ persuni li qagħdu fil-lukandi żdied bi 2%.
L-ammont ta’ persuni li qagħdu f’lukandi fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena qabżu l-miljun u nofs, żieda ta’ 0.2% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
L-NSO spjega kif f’Settembru li għadda, kien hawn 214 l-akkomodazzjoni kollettiva bħal-lukandi fost l-oħrajn.
Dawn kellhom ‘il fuq minn 18,000 kamra tas-sodda biex jakkomodaw primarjament it-turisti.