Kuljum, il-linja 179 tirċievi mal-ħamsin telefonata, b’ħafna minn dawk li jagħmlu użu mis-servizz huma nies li jkunu jridu jgħidu kelma. Xi ħaġa li toħroġ fid-deher il-problema tas-solitudni.
Dan sostnietu Svetlana Buttigieg li hija Service Area Leader fi ħdan l-Aġenzija Apoġġ.
Buttigieg stqarret: “Is-socjetà qed tieħu trend differenti. Illum il-ħajja saret mgħaġġla ħafna u s-solitudni mhiex biss li l-persuna tkun tgħix waħedha imma jista jkun tkun tgħix f’dar mimlija nies u xorta tħossok waħdek, xorta tħossok li ħadd mhu qed jifhmek u hemmhekk fejn jidħol is-supportline.”
L-għan tas-support line huwa li jingħata spazju sigur u komdu fejn wieħed jista’ jaqsam ħsibijietu u l-problemi tiegħu b’mod anominu u kunfidenzjali ma’ professjonisti f’dan il-qasam.
Svetlana spjegat kif huma jiddentifikaw telefonata ġenwina minn oħra grazzi għat-taħriġ intensiv li jingħata lit-tim kollu.
Buttigieg sostniet: “Ġeneralment min iċempel hawnhekk ikollu ħafna biża’, ikollu ħafna anzjeta’ u jkun għaddej minn problema li tkun pjuttost serja. Għalhekk inti tibda tħoss li l-persuna hija tassew muġgħuha u tassew tkun għaddejja minn xi ħaġa illi għaliha tkun waħda kbira.”
Spjegat ukoll l-proċess li jsir wara kull telefonata ġenwina li tasal għandhom u saħqet kemm huwa ta’ importanza li timxi mal-pass tal-persuna li ressqet l’quddiem.
“Jekk il-persuna tkun tixtieq illi just titkellem fuq il-problema aħna nirrispettaw l-idea tal-persuna u ħa nkunu hemm magħha mingħajr ma niġġudikawha. Min-naħa l-oħra jekk il-persuna tkun trid tiġi riferuta għal servizzi oħrajn servizzi ta’ social work inkunu nistgħu mbagħad ngħadduha fl-istess aġenzija tagħna”, temmet tgħid Buttigieg.
Terz ta’ dawk li jċemplu huma persuni li jkunu jridu lil xi ħadd min jismagħhom. It-tieni l-iktar talba komuni hija dwar is-servizzi li toffri l-Aġenzija Appoġġ.
Svetlana kompliet itenni kif diversi klijenti jċemplu għax ikollhom aktar minn sitwazzjoni waħda fuq idejhom u hemmhekk tingħata prijorità każ każ fl-aħjar nteress tal-individwu