Stħarriġ li għamel il-Bank Ċentrali fost il-familji f’pajjiżna jikkonferma kif it-tkabbir ekonomiku kien mifrux fost il-faxex kollha fis-soċjetà tagħna. Fil-fatt, fl-2016 id-dħul tal-familja medja f’pajjiżna kien tela’ għal €25,417. Din tfisser żieda ta’ kważi €2,700 meta mqabbel mal-2013. Fi tliet snin ta’ qabel l-2013, it-tkabbir kien ta’ madwar €2,150 biss, jew kważi 20% anqas.
Barra minn hekk, minn figuri ppubblikati mill-Bank Ċentrali jirriżulta li filwaqt li bejn l-2010 u l-2013 l-akbar żieda fid-dħul kienet fost dawk bl-ogħla dħul, bejn l-2013 u l-2016 kienu familji tal-middle class li raw l-akbar rati ta’ żidiet. B’kuntrast, dawk bl-ogħla dħul kellhom l-anqas żieda fid-dħul. Dan jindika li kontra ta’ dak li ssostni l-Oppożizzjoni, it-tkabbir ekonomiku mar l-aktar lejn il-middle class.
It-titjib fid-dħul tal-familji fil-fatt jidher li kien dovut għall-qasam tax-xogħol. Min-naħa ħafna familji tal-middle class raw żidiet tajba fil-pagi. Imbagħad kien hemm ukoll l-effett pożittiv taż-żieda qawwija fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol min-nisa, it-tnaqqis fil-qgħad kif ukoll fid-dipendenza fuq benefiċċji soċjali. Dan wassal biex f’ħafna familji minflok paga waħda bdew jidħlu tnejn.
Filwaqt li hemm min iħobb isostni li mill-2013 ’l hawn dawk fuq dħul baxx marru għall-agħar, iċ-ċifri tal-Bank Ċentrali jindikaw li r-rata ta’ titjib fid-dħul ta’ dawk bl-anqas dħul kienet id-doppju ta’ dik qabel l-2010. Meta wieħed iħares lejn it-tieni faxxa ta’ dħul – dawk li huma taħt il-medja imma mhux bl-aktar dħul baxx – wieħed jinnota li ż-żieda bejn l-2013 u l-2016 kienet kważi disa’ darbiet aktar.
L-istħarriġ tal-Bank Ċentrali jindika li fl-2016, 45.6% tal-familji qalu li kienu f’pożizzjoni li jfaddlu. Dan kontra 36.6% fl-2013 u 23.7% biss fl-2010. Ta’ min jinnota li skont il-Bank Ċentrali fost dawk bl-anqas livell ta’ dħul, kien hemm kważi kwart li kienu f’pożizzjoni li jfaddlu.
Statistika interessanti oħra li toħroġ mill-istudju tal-Bank Ċentrali hija li filwaqt li fl-2013 kien hemm 80.1% tal-familji li kienu sidien ta’ darhom, dan il-proporzjon żdied għal 80.6% fl-2016. Għal darb’oħra dan ixejjen il-propaganda li l-familji ġodda mhumiex jirnexxilhom jixtru l-proprjetà tagħhom.
Barra minn hekk, l-istudju jġib fix-xejn ukoll id-diskors li l-piż fuq il-familji biex jixtru dar qed jogħla. Fil-fatt, il-proporzjon tad-dħul li dawk li ddejnu biex jixtru dar jonfqu biex jiffinanzjaw id-dejn tagħhom baqa’ stabbli.
B’kuntrast, iż-żieda fil-prezz tal-proprjetà flimkien mal-effett pożittiv ta’ aktar tfaddil wasal għaż-żieda ferm qawwija fl-assi tal-familji f’pajjiżna. Bħala medja, wara li tneħħi d-djun, il-valur tal-assi tal-familji Maltin u Għawdxin fl-2016 laħaq il-€236,529. Din kienet żieda ta’ 11.5% fi tliet snin, kontra 3.4% fit-tliet snin preċedenti.
L-istudju tal-Bank Ċentrali huwa evidenza ċara ta’ kemm il-familji f’pajjiżna gawdew bissħiħ mit-tkabbir ekonomiku. L-eluf ta’ postijiet ta’ xogħol, flimkien maż-żidiet fil-pagi, wasslu biex naqas id-distakk bejn familja middle class u familja bl-aktar dħul. L-andament pożittiv tas-suq tal-proprjetà wassal biex għola l-livell tal-assi tal-familji tagħna, filwaqt li aktar familji rnexxielhom jakkwistaw proprjetà tagħhom.