B’investiment ta’ €400,000 tlestew ħames toroq rurali fil-gżira tat-tliet għoljiet, fejn issa jgħoddu sittax-il triq rurali li tlestew f’Għawdex riċentament.
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri meta kien qed iżur żewġ toroq rurali fix-Xagħra. B’dawn iż-żewġ toroq iwasslu għar-Ramla l-Ħamra u l-bajja ta’ Marsalforn.
“Huma żewġ toroq li huma użati ferm mill-bdiewa u r-raħħala tagħna, kif propju jista’ jixhed ukoll l-ambjent tal-madwar, pero huma żewġ toroq li jintużaw ħafna kemm mir-residenti kif ukoll minn dawk li jżuru pajjiżna. Permezz ta 100,000 ewro f’investiment f’dawn it-toroq reġgħu saru mill-ġdid u għandna issa aċċess aħjar għal bdiewa wkoll li jaċċessaw ir-raba’ tagħhom minn dawn l-inħawi.”
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri nnota kif dawn il-ħames toroq li huma t-Triq tar-Ramla, Triq Għajn Wajta, Triq Sruġ, Triq Għajn Meddew u Triq Ta’ Garaffa huma ħamsa mill-wieħed u sittin triq rurali madwar Malta u Għawdex li huma ffinanzjati mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti, taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta bejn l-2014 u l-2020. Huwa qal kif l-għan ta’ din il-miżura huwa li t-toroq rurali jkun aktar aċċessibli għal dawk li għandhom ir-raba’ f’dawn l-inħawi u anke għal dawk li jgħaddu min dawn it-toroq.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal kif minn dawn it-toroq qed jibbenefikaw 1000 bidwi. Huwa qal li l-mira tal-Gvern hi li jkompli jkun dak li jintervjeni b’mod li jtejjeb il-kundizzjonijiet, l-infrastruttura u l-opportunitajiet li l-bdiewa jkollhom l-aħjar riżorsi.
Huwa temm jgħid li biex is-settur agrikolu jkun aktar sostenibbli irridu naraw l-introduzzjoni ta’ aktar metodi innovattivi u moderni u nkomplu nħeġġu lill-bdiewa żgħażagħ biex jidħlu f’dan il-qasam filwaqt li ngħinuhom anki permezz ta’ fondi. It-titjib f’dawn it-toroq rurali huwa riflessjoni tal-għan tal-Gvern li jkun proattiv u jimplimenta infrastruttura adegwata għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.