Filwaqt li kkonfermat rating ta’ A+ għal Malta, l-aġenzija internazzjonali Creditreform għolliet l-outlook tar-rating ta’ pajjiżna minn stabbli għal pożittiv.
Dan it-titjib fl-outlook kien dovut għal numru ta’ fatturi, ewlenin fosthom li skont l-esperti Ġermaniżi, “Malta will continue to show a strong growth performance” kif ukoll li, “the debt-to-GDP ratio will remain on its firm downward path.”
Ir-rapport ta’ Creditreform isostni li, minkejja l-klima internazzjonali kajmana, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna ser jibqa’ “well above the euro area average, buttressed by robust domestic demand and a well-performing labour market.” Skont l-esperti Ġermaniżi, dan it-tkabbir qed iwassal biex il-ġid nazzjonali ras għal ras ta’ pajjiżna qed jaqbeż il-medja ta’ pajjiżi b’rating ta’ A, u li kważi sar jilħaq dak tar-Renju Unit u Franza. Dan qed iwassal biex il-konsum tal-familji jilħaq livelli rekord mindu bdiet tinġabar l-istatistika mill-Eurostat fuq il-konsum f’Malta.
Fis-snin li ġejjin it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna mistenni jibqa’ ferm ogħla minn dak f’pajjiżi ġirien. Waħda mill-fatturi ewlenin ser tkun iż-żieda qawwija fl-investiment kemm mis-settur privat kif ukoll dak pubbliku. Ir-rapport tal-Creditreform jirrimarka li “by EU Commission forecasts, Malta will record the highest potential growth in the EU-28 over 2019-21”.
L-esperti Ġermaniżi jbassru li l-finanzi pubbliċi ser jibqgħu f’surplus kif ukoll li ser ikompli jonqos id-dejn minkejja ż-żieda fl-ispiża kapitali tal-gvern.
Ir-rapport jilqa’ d-diversi miżuri li qed jieħu l-gvern biex il-ġid nazzjonali jasal għand kulħadd. Fil-fatt, Creditreform tgħid li “the budgetary impact of measures to address housing affordability, pension adequacy, aiding vulnerable individuals…is estimated at approximately 0.4% of GDP in 2019/20.” Dan minbarra miżuri soċjali oħra, fosthom diversi proġetti finanzjati mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali.
L-esperti tal-Creditreform jgħidu wkoll li “we continue to assess Malta’s institutional quality as generally high”. Huma jirrimarkaw li, bil-kejl tal-governanza mill-Bank Dinji, huwa ċar li “Malta’s institutional setup is broadly aligned with the median of our A-rated sovereigns.” Ir-rapport jinnota l-ħidma tal-gvern biex ikomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet u jiżdiedu r-riżorsi tal-awtoritajiet regolatorji f’pajjiżna.
L-esperti Ġermaniżi jikkonkludu wkoll li “we assume that…macroeconomic performance, institutional structure, fiscal sustainability and foreign exposure are likely to improve over the next 12-24 months.”
Filwaqt li jilqa’ dan iċ-ċertifikat pożittiv li juri li l-fiduċja f’pajjiżna qed tkompli tiżdied, il-gvern huwa kommess li jkompli bil-ħidma biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ tissaħħaħ u twassal għal ġid akbar għall-familji tagħna.
Intant, fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet qal kif dan ir-riżultat wasal fl-istess ġimgħa meta l-Kummissjoni Ewropea approvat il-baġit għas-sena d-dieħla.
After this week’s approval of #maltabudget20 by @EU_Commission , @Creditreform upgrades outlook for #Malta A+ sovereign rating from stable to positive -JM @edward_scicluna
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) November 23, 2019