Tlesta x-xogħol fil-bitħa tal-Università l-qadima fil-Belt Valletta.
Dan ix-xogħol ta’ restawr jifforma parti minn numru ta’ interventi li qegħdin iseħħu permezz tad-Direttorat tar-Restawr fuq l-Università antika li lejn tmiem is-seklu 16 kienet binja tal-Ġiżwiti biex imbagħad fi żmien il-Granmastru Manoel Pinto de Fonseca, l-Università bdiet topera minn din il-binja.
Din il-bitħa llum narawha b’ħames arkati fuq naħa u erbgħa fuq naħa oħra.
Dan ix-xogħol ta’ pavimentar sewa mija u sitta u tletin elf ewro u tlesta ftit tal-ġimgħat ilu.
Waqt dawn ix-xogħlijiet reġgħu nstabu l-pedamenti tal-kmamar fil-bitħa li kienu nbnew fis-seklu dsatax, li ġew dokumentati u mgħottija mill-ġdid.
Meta tlestew dawn ix-xogħlijiet, ingħata wiċċ ġdid lill-bitħa tal-Università l-Qadima u tneħħa l-konkos u l-madum li kien hemm.
Dan flwaqt li inbidlu l-katusi li kien hemm taħt l-art.
Permezz ta’ dawn l-interventi qed tingħata lura l-glorja li ħaqqha din l-università li tinsab fiċ-ċentru tal-Belt Kapitali tagħna u li ġġor magħha sinjifikat storiku.
Dan tennieh il-Ministru tal-Kultura Owen Bonniċi waqt iż-żjara tiegħu fuq is-sit.
L-ewwel fażi fuq l-interventi tal-Università l-Qadima kienet dik tar-restawr tal-bejt tal-Knisja tal-Ġiżwiti.
Xogħlijiet oħra kienu jinkludu l-faċċati tal-Knisja u tal-Università l-Qadima li tagħti fuq in-naħa ta’ San Kristofru.
Dawn il-faċċati għad fadlilhom karatteristiċi oriġinali fejn għadhom jidhru wkoll anke sinjali tal-gwerra fejn saret attenzjoni sabiex dawn is-sinjali jiġu kkonservati.