Matul is-sena 2020, in-nefqa għall-anzjani kemm f’servizzi għall-anzjani fil-komunità u titjib ta’ servizzi fid-djar residenzjali se tkun dik ta’ €171 miljun.
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Aguis Decelis meta kien qed jindirizza l-ewwel konferenza nazzjonali bl-isem ta’ ‘Ħajja Attiva għall-Anzjani Tagħna’.
Is-Segretarju Parlamentari Decelis qal kif baġit 2020 ta l-ikbar żieda fil-pensjonijiet fl-aħħar erbgħin sena, b’żieda ta’ seba’ ewro fil-ġimgħa. Semma’ wkoll kif il-Gvern żied ix-xiri ta’ sodod għall-kura residenzjali, fejn bħalissa hemm 2,700 sodda mixtrija. Decelis fakkar kif bħalissa għaddej proġett biex mis-sena d-dieħla San Vinċenz De Paul se jkollu żieda ta’ 500 sodda.
Huwa spjega li “L-iskop ta’ dan il-Gvern huwa li apparti l-anzjani tagħna huma fiċ-ċentru tal-politika tagħna, apparti li l-budget iddedikat lis-servizzi lill-anzjani tagħna dejjem jiżdied b’mod massiv imma rridu li l-kwalita tkun tal-għola livell.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella qal kif l-Awtorità tal-Ħarsien Soċjali se tkun qed tvara pjan strateġiku ta’ seba’ snin sabiex is-settur soċjali kolli jkun regolat. Vella qal kif huma bdew imorru fid-djar tal-anzjani sabiex jisimgħu l-ilmenti tal-anzjani u jkollhom servizz aħjar. Huwa qal kif l-għan ta’ din il-konferenza huwa li jismgħu x’għandhom xi jgħidu l-anzjani.
Vella stqarr: “L-anzjani qegħdin fiċ-ċentru tal-operat u tal-ħidma tagħna. Kemm permezz tal-istandards kif ukoll permezz tal-ħidma tax-xogħol tal-kummissarju tal-anzjani se nkunu qed naraw kif il-profissjonisti, l-anzjani stess, il-qraba u qed jitkellmu flimkien sabiex ikollna servizzi flimkien u servizza tal-għola kwalità.”
Xi anzjani li kienu preżenti għal din il-konferenza laqgħu din il-konferenza għaliex qed tismahom sabiex iħossuhom kuntenti bħala u iktar umli għall-kommunità. Wieħed mill-anzjani li tkellimna magħhom qalilna: “L-ewwel ħaġa qed nieħu gost li ħafna nies qed jipparteċipaw u t-tieni ħaġa nkunu t’għajnuna għalina nfusna u għal ħaddieħor ukoll. Jien qed nieħu gost ħafna għax ħafna mill-affarijiet qas kont naf bihom.”