Jekk il-muntanja ma tmurx lejn Mawmettu, Mawmettu jmur għand il-muntanja.
Iżda ħafna drabi dan mhux qed ikun il-każ hekk kif kważi tliet kwarti tan-nies jippreferu jċemplu biex jinqdew flok imorru fuq il-post.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-MISCO dwar is-servizz li jingħata lill-konsumatur.
L-istudju sar għall-Awtorità Maltija għall-komunikazzjoni.
Il-biċċa ‘l kbira tal-persuni li jippreferu jinqdew bit-telefon għandhom aktar minn erbgħa u tletin sena, filwaqt li dawk li biex jieħdu sodisfazzjon bħala konsumaturi jaqbdu jibgħatu email, fil-maġġoranza tagħhom kienu jgħoddu taħt il-35 sena.
Dwar dan ukoll ħareġ ukoll li 83% tan-nies huma sodisfatti bis-servizzi li jiġu offruti mill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni.
Fl-istħarriġ ħareġ ukoll li s-servizz offrut mill-kumpaniji kbar tat-telekomunikazzjoni huwa effiċjenti.
Bugeja sostna: “Wera ukoll li l-pubbliku huwa sodisfatt bis-servizzi offruti mill-GO, MELITA U VODAFONE.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-komunikazzjoni Jesmond Bugeja tenna l-impenn tal-Awtorità sabiex jara li l-pubbliku ikompli jingħata servizz ta’ eċċellenza mill-operaturi.
Huwa sostna: “U dejjem naċċertaw ruħna lis-servizz dovut lil pubbliku jieħdu kollu.”
Intant fis-seminar fejn ġie preżentat dan l-istudju tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.
Huwa saħaq fuq il-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi għall-ġid mhux tagħhom biss iżda anki tan-negozji.