“Fi tliet xhur inġabar skart organiku daqs kemm inġabar f’sena sħiħa s-sena l-oħra.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza nazzjonali dwar it-Tindif hekk kif saħaq dwar l-importanza ta’ iktar għarfien u kuxjenza fis-separazzjoni tal-iskart.
Fil-fatt il-Prim Ministru saħaq dwar l-impenn tal-Gvern favur l-ambjent u l-indafa. Huwa qal li saret ħidma qawwija biex id-Direttorat tat-Tindif li sa seba’ snin ilu kien direttorat qed jispiċċa, issa jħaddem 500 persuna li jaħdmu fuq barra u jnaddfu l-pajjiż.
Qal li b’kollox din is-sena ġiet allokata s-somma rekord ta’ €13-il miljun għall-istess Direttorat. Spjega wkoll kif €11-il miljun ġew allokati għat-tindif tat-toroq f’pajjiżna u miljun ewro għal tindif f’żoni urbani.
Madankollu sostna li l-istruttura trid torganizza ruħha iżjed.
B’hekk il-Prim Ministru saħaq għal iktar riformi sabiex jiġu ċċentraliżżati s-servizzi kollha ta’ tindif.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sens ta’ għarfien dwar l-ambjent fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin u kif dan huwa mportanti sabiex nassiguraw ġenerazzjonijiet futuri li jħarsu l-ambjent.
Waqt id-diskors tieghu l-Prim Ministru talab ukoll għar-responsabilità minn naħa tal-Kunsilli Lokali u l-kuntratturi sabiex jonoraw il-kuntratti li ffirmaw bejniethom biex b’hekk tiġi evitata inkonvenjenza bħal skart mhux miġbur fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Intant waqt l-istess konferenza ONE News tkellem mad-Direttur tad-Diviżjoni tat-Tindif Ramon Deguara dwar il-ħidma tagħha matul dawn l-aħħar snin.
Ma’ ONE News huwa stqarr li f’dawn l-aħħar snin inġabru mal-100,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment.
Deguara spjega: “L-istatistika tul is-snin ovjament minn naħa governattiva biss inġabru mal-mitt elf tunnellata ta’ skart li huwa kollu rimi illegali. Ovajment qiegħdin naraw kif nindirizzaw din il-problema wkoll.”
Huwa tkellem ukoll dwar l-investimenti li għamlet it-taqsima sabiex tkun tista’ twettaq ix-xogħol li għamlet b’tant suċċess mindu twaqqfet.
“Żidna l-makkinarju tagħna fid-diviżjoni sabiex aħna noffru iktar servizzi. Żidna wkoll il-faċilitajiet fejn wieħed jiddisponii mill-iskart tiegħu jiġifieri nfaqna eluf kbar ta’ ewro f’kontenituri tal-iskart li twaħħlu fil-pjazzez fl-irħula tagħna. Għinna ħafna l-Kunsilli Lokali f’dan is-sens. Konnha l-ewwel entita li ntroduċejna ash-trays fil-pajjiż”, sostna Deguara.
Dwar dan tkellem ukoll il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonniċi hekk kif stqarr li hemm bżonn sabiex jiżdiedu l-frekwenzi u s-servizzi minħabba li d-domanda għas-servizzi tat-tindif dejjem qiiegħda tiżdied.
Intant is-Segretarji Parlamentari Deo Debattista u Silvio Parnis rringrazzjaw lil kulħadd għall-kontribut tagħhom fl-aħħar snin sabiex iż-żamma tal-indafa tal-pajjiż tkun l-aqwa possibbli.