Din il-ġimgħa Malta qed tospita t-tieni minn serje ta’ tliet fora ddedikati għall-ħolqien ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja Ewro-Mediterranji. Taħt il-patroċinju tal-programm ‘Żgħażagħ Vuċi Mediterranji’ tal-Fondazzjoni Anna Lindh, is-seminar huwa organizzat mill-Akkademja tal-Istudji Diplomatiċi tal-Mediterran (MEDAC), bi sħab mal-Alleanza Dinjija tal-Mexxejja – Club de Madrid.
Il-21 parteċipant huma mexxejja żgħażagħ minn 16-il pajjiż, li huma diġà attivi ħafna fil-komunitajiet tagħhom stess. Matul il-ġimgħa d-dieħla, se jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika madwar it-tema tal-azzjoni dwar il-klima.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela żar iż-żgħażagħ u, ħeġġeġ lill-mexxejja żgħażagħ biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom biex mhux biss jagħtu leħen lit-tħassib tagħhom iżda wkoll ikunu jistgħu joffru soluzzjonijiet konkreti għal ħafna sfidi fir-reġjun. Huwa rrimarka li Malta ħadet rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-formazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika.
“Il-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ tagħna mhijiex biss il-mexxejja ta’ xi futur imbiegħed, iżda wkoll il-mexxejja tal-lum. L-impenn tagħkom huwa tassew essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi lokali, nazzjonali, reġjonali u globali. Għalhekk, huwa dmir għalina l-politiċi li nisimgħu leħnek u nassiguraw l-ispazju meħtieġ għall-parteċipazzjoni politika attiva tagħkom,” qal il-Ministru Abela.
Il-Ministru nnota kif iż-żgħażagħ mhumiex biss strument pożittiv u indispensabbli biex iwasslu għal bidliet u riformi tant meħtieġa, iżda huma wkoll element ewlieni fil-proċessi tal-bini tal-paċi fir-reġjun tagħna. Huwa nnota kif it-triq ’il quddiem tal-gvern li qed tiġi implimentata hija li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ permezz ta’ tagħlim interkulturali u interreliġjuż, edukazzjoni ċivika u l-promozzjoni tar-rispett reċiproku.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Abela fakkar kif riċentament sar skambju informali bejn il-mexxejja żgħażagħ u l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tad-Djalogu fil-Mediterran tal-Punent. Dan sar matul il-5+5 li ġie organizzat hekk kif iltaqgħu f’Malta għall-15-il laqgħa tagħhom, taħt il-kopresidenza ta’ Malta u l-Alġerija. Dik il-laqgħa ppermettiet lil dawk il-mexxejja żgħażagħ l-opportunità unika li jqajmu t-tħassib tagħhom direttament ma’ politiċi ewlenin mill-pajjiżi tagħhom stess.
“Żieda fil-kuntatti bejn in-nies, speċjalment fost iż-żgħażagħ, jistgħu jwasslu għat-tkissir ta’ ostakli u perċezzjonijiet u jistgħu jservu wkoll bħala miżura ta’ bini ta’ kunfidenza, li tiffaċilita l-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tagħna,” ikkonkluda l-Ministru Abela.
Il-parteċipanti żgħażagħ Ewro-Mediterranji qed jiġu mħarrġa permezz ta’ metodoloġija ta’ programm ta’ mentoring magħmul apposta għal grupp interkulturali mill-Ewro-Mediterranja li jinkludu workshops u eżerċizzji ta’ immersjoni, aċċess uniku għal mexxejja b’esperjenza, dawk li jfasslu l-politika tal-UE, u professjonisti tal-midja; u taħriġ fl-intelliġenza kulturali u fil-kampanji. Fl-aħħar jum tas-seminar, il-parteċipanti għandhom jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-politika tagħhom lil bord ta’ mexxejja għolja għar-reazzjonijiet tagħhom.