Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar m’approvax l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-kampus tal-American Unversity of Malta fl-Isla.
L-American University daħlet applikazzjoni għal bini ta’ faċilitajiet għall-istudenti f’post fejn bħalissa hemm allokat spazju ta’ parkeġġ.
Il-perit tal-proġett kellu ċans sal-Ħamis filgħodu sabiex iressaq pjanti ġodda iżda qal li l-American Univeristy of Malta ddeċieda li ma jibdilx il-pjanti għax huma skont il-liġijiet tal-iżvilupp tal-2005.
Id-deputat Laburista Clayton Bartolo, il-membru tal-bord f’isem l-Gvern qal li stenna li l-Perit tal-proġett jirrevedi l-pjanti dwar l-impatt viżwali. Tkellem dwar is-swar tal-Isla li għandhom jingħataw il-protezzjoni li jixirqilhom.
Konxju tal-impatt li seta’ jkollu dan il-proġett għan-nies tal-Kottonera, id-deputat tal-Gvern ivvota kontra dan il-proġett.
L-istess bħal ma għamlu l-membri tal-bord li b’mod unanimu ivvotaw kontra dan il-proġett.
Din id-deċiżjoni ntlaqgħet b’ċapċip kbir. Fost ir-reazzjonijiet wara din d-deċiżjoni kien hemm min stqarr:
“Vot li ġie imfisser bħala rebħa għal poplu tal-Kottonera.”
“Rebħa għal kottonera kollha għall-isla u bormla u dawk in-naħat. L-open spaces huma importanti.”
“Is-swar se jibqgħu tagħna u tal-kottonera kollha. L-isla hija sinjura fil-kultra.”
“Rebħet malta u l-istorja.”
L-impenn tal-Gvern huwa li jkompli jinvesti u jagħmel xogħol ta’ tisbiħ fil-Kottonera. Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li b’investiment ta’ żewġ miljun ewro se tkun qed tissebbaħ id-daħla tal-Isla. Fejn ser isir xogħol ta’ restawr u tisbieħ f’żoni li ma kinux aċċessibbli għan-nies.