“Il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020, u dan huwa l-isbaħ rigal li l-pajjiż jista’ jagħti lit-tfal kollha, permezz tal-introduzzjoni ta’ numru ta’ bidliet fil-liġi li se jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tat-tfal.” Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza Konferenza Nazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
Din il-konferenza nazzjonali ttelgħet mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali fil-Jum Internazzjonali tat-Tfal, kif ukoll fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew li jfakkar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Esplojtazzjoni Sesswali u l-Abbuż Sesswali.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-Liġi se tkun qed titħaddem bi prinċipju kardinali li jesiġu li jkunu mħarsa bl-aħjar mod possibli d-drittijiet tat-tfal. Dan permezz ta’ prinċipji legali li bis-saħħa tagħhom min għandu obbligu jħares id-drittjiet tat-tfal issa ser ikun legalment marbut li jagħmel dan u jrid jagħti spjegazzjoni għal kull ħaġa li jagħmel.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif dan il-Gvern għandu l-kurraġġ jieħu d-deċiżjonijiet fl-aqwa interess tat-tfal, u dan jagħmlu bil-fatti. Il-Prim Ministru rrifera għad-deċiżjoni li ttieħdet li żgħażagħ ta’ sittax il-sena jingħataw dritt għall-vot, u tkellem dwar il-bżonn ta’ diskussjoni fuq livell Nazzjonali dwar l-eta’ obbligatorja għall-iskola.
Il-Prim Ministri fakkar li dawn il-bidliet qed isiru fi sfond fejn il-Gvern qed ikompli jinċentiva lill-familji permezz ta’ żidiet fiċ-children’s allowance, eżamijiet bla ħlas, u introduzzjoni tal-in-work benefit, fost oħrajn.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li qed jistenna bil-ħerqa l-introduzzjoni tal-liġi fil-bidu tas-sena d-dieħla biex tiġi inkorporota l-Konvenzjoni tal-United Nations Conventions on the Rights of the Child bħala parti integrali tal-Liġijiet domestiċi.
“Għalhekk issa nistgħu nħarsu lejn il-konvenzjoni bħala għodda legali, politika u anke prattika fejn jidħol il-ħarsien tat-tfal”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Qal ukoll li din il-Konvenzjoni se tkun qed isservi wkoll bħala gwida politika, u l-Ministeru flimkien mal-istakeholders kollha ewlenija, fosthom l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal, se jkomplu jassiguraw illi d-drittijiet tat-tfal qed jissaħħu.
Il-Ministru Michael Falzon għamel referenza wkoll għall-fatt li naqsu b’6000 dawk il-persuni taħt it-tmintax il-sena f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, dan meta wieħed iqabbel is-sena 2018 mas-sena 2013.
Intant, din il-konferenza nazzjonali kienet indirizatta wkoll mill-Kummisarju għat-Tfal, Pauline Miceli, iċ-Chairperson tal-Kumitat Lanzarote George Nikolaidis, u t-Terapista tal-Familja Charles Azzopardi.