Malta tesiġi li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF) 2021-2027 ikun bilanċjat u ġust ma’ kull membru tal-Unjoni Ewropea. Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis waqt il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarijiet Ġenerali, li tlaqqa’ llum biex iħejji għas-summit tal-mexxejja Ewropej li se jsir f’Diċembru li ġej.
Il-Ministru tkellem dwar l-importanza tad-dikjarazzjoni ta’ Praga favur it-tisħiħ tal-Fondi ta’ Koeżjoni, liema dikjarazzjoni kienet iffirmata mill-maġġoranza tal-mexxejja Ewropej. F’dan il-kuntest, Dr Zammit Lewis żied li għandu jsir kull sforz biex in-negozjati jintemmu fil-ħin, u dan fl-aqwa interess taċ-ċittadini tagħna u tal-futur tal-Unjoni Ewropea.
Rigward il-mira tan-newtralità klimatika sal-2050, il-Ministru qal li waqt li dan l-objettiv huwa importanti, jeħtieġ li jkunu mwieżna il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull pajjiż u l-impatt fuq il-kompetitività tas-setturi ekonomiċi kollha. F’dan ir-rigward, huwa sostna li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli taħdem favur transizzjoni ġusta li tħares l-impjiegi u tinċentiva l-ħolqien t’impjiegi ġodda.
F’dan il-Kunsill kienu diskussi ukoll il-konklużjonijiet tal-Presidenza Finlandiża dwar id-djalogu annwali fuq is-saltna tad-dritt. Waqt li saħaq li s-saltna tad-dritt għandha tibqa’ fil-qalba tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Zammit Lewis fisser kif il-mekkaniżmi ġodda għandhom jikkumplimentaw lil xulxin u ma joħolqux piż amministrattiv fuq l-Istati Membri. Huwa żied li dawn għandhom ikunu għodda ta’ prevenzjoni u ta’ djalogu kostruttiv bejn l-Istati Membri, u mhux mezz ta’ kif jippontaw lejn xulxin.
Aktar tard il-Ministri għall-Affarijiet Ewropej iddiskutew it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, bl-Istati Membri jaqblu li għandhom ikomplu t-taħdidiet dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.