Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab fil-Montenegro fejn bħalissa għaddej b’laqgħat bilaterali mal-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż fil-Balkani, Duško Marković.
Aktar tard illum waranofsinhar, Dr Muscat se jinawgura proġett tat-turbini tar-riħ f’dan il-pajjiż.
Dan il-proġett sar b’investiment minn konsorzju li fih hemm l-Enemalta u x-Shangai Electric Power.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru kien saħaq li l-Enemalta qamet fuq saqajha u minn kumpanija falluta qabel 2013, issa daħlet fis-settur tal-enerġija rinovabbli u qed tinvesti lil hinn minn xtutna.
Dan il-proġett li għall-inawgurazzjoni tiegħu se jitkellem il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi, se jkun kapaċi jiġġenera 3% tal-enerġija li tiġġedded fil-Montenegro.
Il-proġett jinkludi 23 turbina tar-riħ ta’ żewġ mega watt il-wieħed u hu mifrux fuq medda ta’ tlettax-il kilometru f’Mozura, fin-nofsinhar tal-pajjiż.
Dan l-investiment jammonta għal madwar €90 miljun. Jakkumpanja lil Prim Ministru hemm ukoll il-Ministri Carmelo Abela u Konrad Mizzi.