Tlett irġiel qed jinżammu arrestati wara li fil-pussess tagħhom instabet droga li jidher li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom.
Il-każ seħħ il-lejl li għadda fi Triq Dragonara f’San Ġiljan, meta waqt ronda li kienu qed jagħmlu uffiċjali tal-Pulizija mill-Ispecial Intervention Unit, ġew innutati żewġ ġuvintur ħdejn vettura jaġixxu b’mod suspettuż.
L-uffiċjali baqgħu josservawhom sakemm innutaw wieħed minnhom joħroġ bott mill-vettura.
Kien hawnhekk meta l-Pulizija waqqfet liż-żewġ żgħażagħ – wieħed ta’ 26 sena u ieħor ta’ 21 – it-tnejn minn Ħal Qormi.
Minn tfittxija li saret irriżulta li fil-bott kien hemm sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis.
Fuq il-persuna l-oħra instabu aktar minn €1,300.
Waqt tfittxija li saret fir-residenza ta’ wieħed mill-ġuvintur, instab basket b’erba’ boroż b’sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, kif ukoll żewġ boroż oħra b’sustanza bajda allegatament kokaina.
B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija arrestat ukoll raġel ta’ 27 sena minn Ħaż-Żebbuġ.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.