Waqt li kien qiegħed jitkellem fil-World Orphan Drug Congress li ttella’ fl-aħħar jiem f’Barċellona, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne saħaq fuq l-importanza tat-trasparenza fil-prezzijiet tal-mediċina biex din tkun affordabli.
Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll fuq is-suċċess tal-Valletta Decleration Group, grupp ta’ għaxar stati membri tal-Unjoni Ewropea li flimkien iffurmaw grupp bil-għan li jaqsmu l-informazzjoni u joħolqu l-aqwa prattiċi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri ta’ mediċini.
Il-Valletta Decleartion Group, li ġie ffurmat waqt l-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, huwa magħmul minn: Ċipru, Greċja, Italja, Malta, Portugall, Spanja, Irlanda, Rumanija, Slovenja u Kroazja. Dan il-grupp illum jirrapreżenta 160 miljun ċittadin Ewropew, 31.5% tal-popolazzjoni Ewropea.
“Bħala Ministri responsabbli mill-qasam tas-saħħa rridu nibqgħu niżguraw l-affordabilità tal-mediċini għall-ġid taċ-ċittadini tagħna. Dan nistgħu nagħmluh biss billi jkollna front wieħed maqgħud fejn jidħlu negozjati ma kumpaniji tal-farmaċewtika,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.