L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ħalla lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia b’xiber imnieħer hekk kif l-Erbgħa waranofsinhar, waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari rrifjuta li jiffirma l-mozzjoni li Delia kien se jressaq kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Dan żvelatu l-Maltatoday fejn spjegat li fuq pariri li ħa dwar l-għaqda fil-partit, Delia xtaq lil Busuttil u lil Jason Azzopardi sabiex flimkien miegħu jiffirmaw din il-mozzjoni. Madankollu, Busuttil webbes rasu u rrifjuta.
Eventwalment din il-mozzjoni ġiet iffirmata mill-Viċi Kap David Agius u l-whip Nazzjonalista Robert Cutajar u tressqet quddiem l-ispeaker siegħa u nofs tard minħabba dan diżgwid bejn il-kap u l-eks kap.
Il-qasma fost id-deputati Nazzjonalisti kompliet tidher biċ-ċar it-Tlieta li għadda meta Delia u d-deputati tal-fazzjoni tiegħu ħarġu ’l barra mill-Parlametn meta Busuttil kien se jqum biex jitkellem.
Il-firma ma kienitx l-unika ħaġa li nqalgħu l-problemi dwarha waqt il-laqgħa tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista li ġiet imposta fuq Delia minn Busuttil.
Maltatoday qalet li l-manuvra ta’ Delia sabiex il-Partit Nazzjonalista jipparteċipa fid-dimostrazzjoni f’għeluq il-25 xahar mill-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia wkoll sabet l-oġġezzjonijiet mill-fazzjoni ta’ Busuttil li bħal donnha ma tridx timxi mal-Kap Adrian Delia.
Fil-fatt, xahar biss ilu, oħt Caruana Galizia tat doċċa kiesħa lil Adrian Delia waqt li kien qiegħed ipoġġi kuruna tal-fjuri quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Hawnhekk oħt Caruana Galizia nfexxet tgħajjar lil Delia u garat il-kuruna tal-fjuri ta’ Delia għal nofs il-pjazza. Sa filgħaxija, il-ftit li kien baqa’ minnha spiċċa mitfugħa wara l-monument, ‘l bogħod mill-għajn ta’ dawk li attendew għall-protesta.