Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li l-allegazzjonijiet li għamlet fuqu Daphne Caruana Galizia huma affarijiet tal-passat.
Delia qal dan waqt il-programm Xtra fuq l-istazzjon nazzjonali. Huwa stqarr: “Però żgur dawk affarijiet tal-passat. Affarijiet tal-passat ta’ qabel ma kont fil-politika.”
Caruana Galizia kienet allegat li Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.
Allegazzjonijiet li poġġew lil Delia f’punt fejn qatt ma jista’ jitqies bħala kap kredibbli f’għajnejn nies mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Fosthom Jason Azzopardi, li minkejja l-attentati ddisprati ta’ Delia biex jintgħoġob mal-fazzjoni Busuttil, sikwit jattakka lil Delia fuq il-midja soċjali.
Iżda Delia qal li m’għandux problema b’li jgħid Azzopardi. Delia sostna: “Tidher bħala kritika jew attentati – tużaha. Mela jekk jiena insemmihom kollha, m’għandix problema… semmejtu lil Jason Azzopardi.”
Din id-dikjarazzjoni tistona ma’ dak li qal f’Ġunju li għadda meta qal li m’għandux ħin x’jaħli miegħu, meta Delia kien stqarr: “Jiena naħseb ħa ninjora lil Jason Azzopardi. Ma naħsibx li għandi nitlef aktar ħin biex nagħti kas dak li jitkellem dwaru fil-midja soċjali.”
Matul l-intervista, il-Kap Nazzjonalista li sena ilu ried ikeċċi lil Busuttil mill-Partit Nazzjonalista dwar il-gidba ċċerfikata tal-Egrant, spiċċa jaħlef għall-integrità tiegħu. Delia qal: “Persuna li l-integrità tiegħu simon Busuttil.”
Mistoqsi dwar il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal li aċċerta ruħu li l-Partit qatt mhu se jdaħħal transazzjonijiet illeċti: “Aċċertajt ruħi mat-tim finanzjarju tiegħi li ma jkun hemm l-ebda transazzjoni li b’xi mod anka indirett tikser il-liġi.”
Dan minkejja li l-Kap Nazzjonalista żamm l-iskema taċ-ċedoli mfassla minn Busuttil meta kien Kap flimkien mal-eks teżorier Rosette Thake. Skema li tfasslet biex iddur mal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.
Naqas ukoll isemmi li l-Partit Nazzjonalista għadu bla teżorier minħabba żewġ riżenji f’perjodu ta’ tliet xhur.
Waqt il-programm, Delia spiċċa jattakka wkoll lill-midja għax qal li hi favur il-Gvern: “Il-mezzi tal-midja anke konvenzjonali, gazzetti huma sproporzjonalment favur il-Gvern. Qed ngħixu f’pajjiż fejn il-libertà tal-espressjoni hija kkalpestata.”
Huwa pprova jilmenta wkoll dwar l-istazzjon nazzjonali. Dan anke jekk fil-programmi ta’ TVM ġej u sejjer kif innota l-preżentaturi nnifsu li fakkru kemm-il darba mar fuq il-programm tiegħu biss. Balzan sostna: “Jien fil-konfront tiegħek stedintek ħames darbiet – Joseph Muscat kelli darba biss fil-programm.”
Dwar l-immigrazzjoni, Adrian Delia infexx f’dagħdigħa kontra l-Gvern.
Żvijja mis-suġġett tant li ħawwad anke lill-preżentatur.
Balzan spiċċa jistaqsi: “Liema Gvern? Il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Għax ħawwadtni ftit. Hu ħawdek mhux jien. Le inti ħawwadtni.”