Għaddew 30 sena mindu l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda adottat il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u kważi l-istess tul ta’ żmien mindu Malta rratifikat din il-konvenzjoni – li hija msejsa fuq tnejn u erbgħin dritt li t-tfal u ż-żgħażagħ f’Malta għandhom ikollhom.
Tul dawn it-30 sena twaqqfu ħafna strutturi u servizzi li wasslu biex fi kliem il-Kummissarju tat-Tfal, it-tfal Maltin illum igawdu livell ta’ għajxien ħafna aħjar milli kellhom it-tfal 30 sena ilu.
Ħamest ijiem bogħod mill-Jum Internazzjonali tat-Tfal, il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli qalet li żdied l-għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal, li anki jekk mhuma xejn għajr drittijiet umani li għandu jgawdi minnhom kulħadd, isiru aċċenn fuqhom għax iċ-ċkejknin jeħtieġu protezzjoni.
Biex dan il-kunċett ikompli jissaħħaħ, fid-djar kollha f’Malta u Għawdex, u fl-iskejjel kollha tal-Gvern, privati u tal-Knisja, qed jitqassmu fuljetti bil-għan li tkun spjegata aħjar il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal.
“Meta n-nies javviċinawna għax ikollhom problemi fl-aċċess ta’ ċertu servizzi jew kif jingħataw ċertu servizzi, aħna nidħlu hemmhekk u nindagaw biex naraw li l-affarijiet jitjiebu apparti li noffru rakkomondazzjonijiet lill-Gvern u lill-entitajiet biex jinbidlu l-affarijiet għall-aħjar”, stqarret il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli.
Il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jaħdem favur id-drittijiet tat-tfal, fid-dawl li dan huma parti integrali mhux biss mis-soċjetà tal-lum, imma wkoll ta’ għada.
“Huwa importanti li fil-perjodu vulnerabbli ta’ ħajjithom, inkunu hemm għalihom, billi naraw li jkollhom drittijiet li naraw li ma jibqgħux fuq il-karta imma li jitwettqu. Wasalna biex indaħħlu fis-seħħ il-liġi l-ġdida tal-protezzjoni tat-tfal. Xi ħaġa li ħa tagħmel ċertu tibdil u committed li politikament lesti mmorru passi oltre ’l quddiem fejn jidħlu d-drittijiet tat-tfal”, sostna l-Ministru Falzon.
Proprju fil-Jum Internazzjonali tat-Tfal fl-20 ta’ Novembru, il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali se jtella’ konferenza nazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal, li fost l-oħrajn se tkun indirizzata miċ-Chairman tal-Kumitat Lanzarote fil-Kunsill Ewropew li jieħu ħsieb id-drittijiet tat-tfal fl-Unjoni Ewropea.