Għad-disa’ darba fetaħ il-festival popolari ŻiguŻajg.
Fl-iskola primarja tas-Siġġiewi, ŻiguŻajg beda b’messaġġ profond ta’ għasfur li jrid iħalli l-foresta massiċċa tal-Amażonja għal Malta.
Iċ-ċkejknin apprezzaw ir-rappreżentazzjoni li saritilhom u l-għasfur ma naqas li jaqbad ftit magħhom.
Żewġ t’itfal li fihom tispikka l-innoċenza sempliċi tant sabiħa tat-tfulija rrakuntawlna fuq fuq dak li raw u tgħallmu b’mod aktar interattiv. Żewġt itfal li tkellimna magħhom, Emily u Nathan qalulna: “L-għasfur kien qed jugżahom. Għalfejn kien qed jugżahom? X’għamel l-għasfur? Ma kienx jaf kif ħa jmur id-dar tiegħu.”
Intant dan ŻiguŻajg huwa festival tal-arti li fuq kollox jixpruna l-kreattività.
Il-Kap tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai saħaq li mingħajr it-tim tal-produzzjoni u anke t-tfal stess dan l-festival ma jistax jkun possibbli.
Id-direttur tal-Festival Daniel Azzopardi, qal li huwa mifrux fuq għaxar t’ijiem tenna li jinsab kuntent li Żigużajg għadu qed jikber.
Huwa qasam magħna x’hemm imħejji għal dan il-festival tant mistenni mill-familji.“Kif qed taraw warajja ovvjament, ŻiguŻajg ovvjament sinonimu ħafna ħa jkun il-Belt, mhux il-Belt biss fil-fatt għandna x-xogħlijiet bħal ma għandi warajja hawnhekk li ħa jkunu qed iduru fl-iskejjel u qed nwasslu l-arti u l-kreattivita’ ġo skejjel u komunitajiet differenti. Nwasslu wkoll temi differenti, jiġifieri dan ix-xow huwa fuq temi ta’ immigrazzjoni, multi-kulturaliżmu.”
Din l-edizzjoni se jkollha mhux inqas minn 10 produzzjonijiet ġodda fjamanti u wħud kkumissjonati speċifikament għal dan il-festival filwaqt li oħrajn huma ko-produzzjonijiet ma’ entitajiet kulturali fosthom l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Teatru Malta u ŻfinMalta.
B’kollox ser ikun hemm aktar minn mijja u tletin artist minn ħdax -il pajjiż differenti li ser jikkollaboraw għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ŻiguŻajg.
Dan il-festival imħawwar ferm żgur se janima lit-tfal u fuq kollox inisslilkom tbissima, filwaqt li xi tagħlima, ma tonqosx.