F’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Unjin Maltija tal-għalliema, l-MUT tat 100 siġra u pjanta lill-komunità Ħamruniża.
L-MUT għaddiet il-pjanti u s-siġar lill-kunsill lokali tal-Ħamrun, li ddeċieda li jqasamhom fost l-istudenti.
Is-seba’ skejjel primarji u sekondarji tal-Gvern u tal-Knisja li hemm fil-Ħamrun, se jingħataw dawn il-pjanti u siġar sabiex ikunu l-istudenti li jieħdu ħsiebhom.
Il-President tal-MUT Marco Bonnici, qal li dan il-ġest min-naħa tal-MUT qed isir wara li l-union mexxiet l-uffiċini tagħha mill-Belt għal Ħamrun u għalhekk ħasset li f’dan l-anniversarju tagħti xi ħaġa lura lill-lokalità. Huwa sostna: “L-għan tagħna li nikkollaboraw mal-lokalità għax issa ġejna l-Ħamrun u aħna dejjem nippruvaw nikkollaboraw mal-lokalità.”
Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut tkellem dwar l-importanza ta’ din l-inizjattiva li permezz tagħha l-lokalità se tkompli titħaddar. Qal li l-ħsieb huwa li wara li l-istudenti jkabbru s-siġar u l-pjanti jitħawlu fit-toroq tal-Ħamrun.
Sammut stqarr: “Ħsibna biex ntejbu l-ambjent tal-Ħamrun, meta jispiċċaw l-iskejjel jew ikomplu jieħdu ħsiebhom fl-iskejjel jew inkella jingħaddu fit-toroq tal-Ħamrun sabiex ikollna ambjent aħjar.”