Fil-ġimgħat li ġejjin Infrastructure Malta se toħroġ sejħa internazzjonali għal dawk interessati li jibnu u joperaw il-mina bejn Malta u Għawdex.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, f’ġurnata fejn l-Għawdxin kellhom problema sabiex jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex, minħabba li ġie sospiż is-servizz tal-Gozo Channel kawża tal-maltemp.
Id-deputat Nazzjonalista Chris Said tkellem dwar din ir-realtà iebsa għal Għawdxin. Fil-fatt huwa uża l-maltempata sabiex juru li ma jaqbilx mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li għadu ma ħax deċiżjoni aħħarija dwar il-mina minkejja li kien ivvota favuriha fil-Parlament.
It-Tlieta filgħodu Chris Said tefa’ filmat tal-vapur ta’ Għawdex f’baħar imqalleb jibla’ l-art.
Said kiteb dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin f’ġurnata bħal tal-lum, fejn anki s-servizz ta’ Gozo Channel kellu jiġi sospiż minħabba l-qawwa tal-maltemp. Said kiteb – “Dak li jħabbtu wiċċhom miegħu l-Għawdxin f’ġurnata xitwija bħal tal-lum.
Qal li ma kellux dubju li ħadd ma kien ser jaqsam lejn Għawdex għall-mistrieħ iżda l-Għawdxin iridu jew ma jridux ikollhom jaqsmu għal bosta raġunijiet. Id-deputat Għawdxi għadda dawn ir-rimarki fl-isfond tal-qasma fil-Partit Nazzojnalista dwar il-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament Adrian Delia qal lill-Għawdxin li għad irid jieħu deċizjoni dwar il-mina.
“Kif tista’ tiddeċiedi b’mod aħħari?”
B’reazzjoni għal din is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalsita, il-Ministru Ian Borg staqsa lid-deputat Chris Said jekk għandniex inħallu f’idejh biex jikkonvinċi lil Delia biex jieħu pożizzjoni favur il-mina li se tagħmel differenza kbira fil-ħajja tal-Għawdxin.