Żewġ stati fl-Awstralja ddikjaraw stat ta’ emerġenza, hekk kif nirien f’foresti, magħrufa bħala bushfires, qed ipoġġu theddida deskritta bħala “katastrofika” f’żoni fejn jgħixu n-nies.
Minn tal-inqas tliet persuni nqatlu u eluf kienu kostretti jħallu djarhom fi tlett ijiem ta’ kundizzjonijiet tat-temp perikolużi fl-istati ta’ New South Wales u Queensland.
Uffiċjali qalu li l-akbar periklu mistenni jkun it-Tlieta għall-inħawi madwar Sydney, l-akbar belt fil-kontinent.
Ġew irrappurtati aktar minn mija u għoxrin każ ta’ bushfires fiż-żewġ stati, li qerdu mijiet ta’ djar.
Fi New South Wales, l-awtoritajiet ħarġu l-akbar twissija mindu ġew riveduti t-twissijiet deċenju ilu, meta kien seħħ id-diżastru tal-Black Saturday li kien ħalla aktar minn mija u sebgħin persuna mejta fl-istat ta’ Victoria.