Qatt mhu tard biex titgħallem, u proprju hekk se tkompli tagħmel Marie Stella Mercieca – xempju tal-anzjanità attiva.
Marie Stella għandha disgħin sena, u fil-ġimgħat li ġejjin se tibda kors ta’ diploma fl-Università ta’ Malta.
B’nostalġija liema bħala, l-anzjana mwielda t-Tuneżija qasmet il-memorji tagħha dwar meta kienet għadha tifla tmur l-iskola f’Tuneż flimkien mat-tliet ħutha.
Ġiet Malta ta’ disa’ snin meta kienet se tibda l-Gwerra, u b’ċertu dettall tkellmet dwar il-ġurnata li ħalliet lil art twelidha biex tiġi Malta.
Spjegat kif “Il-vapur ma kienx bħal ta’ daż-żmien. Kien vapur kien hemm il-baqar isfel fl-istiva u aħna fuq.”
Qaltilna wkoll kif ħassitha malli rifset fuq dil-gżira f’nofs il-Mediterran, wara vjaġġ ta’ erbgħa u għoxrin siegħa fuq il-baħar.
Qalet li “Bil-lejl qgħadt ħdejn missieri nippassiġġa fuq il-vapur imbagħad wasalna Malta f’nofsinhar. Tlaqna f’nofsinhar u wasalna f’nofsinhar għax kien jieħu ġurnata l-vapur u kif wasalna bdejt nara kollox stramb għalija hawnhekk.”
Ma’ Marie Stella ltqajna fid-dar tal-anzjani “Jasmine Nursing Home” fl-Imsida, proprju fil-ħames anniversarju mindu fetħet il-bibien tagħha, biex illum tilqa’ fiha mija u ħames anzjan u anzjana.
Dar li b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat, toffri servizzi innovattivi lill-anzjani, b’terapiji differenti li jintużaw biex jgħinu lill-anzjani jibqgħu attivi f’kull aspett.
Fost dawn hemm dik imsejħa “Cognitive Stimulation Therapy”, li tgħin b’mod partikolari anzjani bid-dimensja u bl-Alzheimer’s.
Il-General Manager Rueben Vella Bray spjega li fost l-aktar tipi popolari ta’ din it-terapija, hemm dik inter-ġenerazzjonali.
Qal li “X’inhi l-intergenerational therapy? Fejn inġibu t-tfal mill-iskejjel u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-anzjani u l-anzjani ovvjament jaqsmu l-esperjenzi tagħhom tal-passat li jinteressa lil dawn it-tfal.”
Fost bosta terapiji fiżiċi oħrajn, f’din id-dar jiġu organizzati attivitajiet u ħarġiet b’mod regolari, fejn anki grazzi għall-passaport ta’ Heritage Malta, dalwaqt l-anzjani se jibdew imorru f’postijiet storiċi.
Tintuża wkoll it-terapija bl-annimali, fejn bdew bil-klieb, u issa nfirxet għall-fniek u aktar.
Spjega li “Għandna resident ukoll jismu Fluffy li huwa bunny li jintuża għall-animal petting u x-xahar id-dieħel se nġibu wkoll donkey and horse petting.”
Fuq kollox, ikun xprunat il-qari u t-tagħlim fost l-anzjani, u Marie Stella Mercieca hija fost il-ħafna li ħatfu din l-opportunità biex ikomplu jistudjaw.
Qalet li “Inħobb inkun naf fuq il-kultura, ħafna, fuq pajjiżi speċjalment barranin, fuq nies, kif jgħixu u kollox.”
Bi tbissima qaltilna li qatt mhu tard biex titgħallem, u kellha dan l-appell għall-anzjani, speċjalment dawk li jgħixu waħedhom.
Qalet li “Jaqraw għax jekk ikollhom stress fuqhom jgħaddilhom għax dak il-ħin li taqra tkun moħħok fil-qari mhux fuq dak li għandek u tħossok ferħana, ma taħsibx iżjed fuq id-dwejjaq li jkollok, bil-qari tinsa kollox.”