Permezz ta’ ftehim iffirmat, il-Fakultà tad-Dentistrija fi ħdan l-Università ta’ Malta se tiftaħ dental training cleaning f’Għawdex u dan bis-saħħa ta’ investiment li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex u l-Università. Dan il-proġett se jikkonsisti fi klinika dentali li tkun attrezzata bl-aħħar teknoloġija fejn l-istudenti li qed isegwu l-kors tad-dentistrija jkunu jistgħu jagħmlu t-taħriġ prattiku tagħhom u fl-istess waqt jagħtu servizzi varji relatati mad-dentistrija fosthom kampanji ta’ għarfien.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li permezz ta’ dan il-proġett qed jintlaħqu diversi għanijiet ewlenin fosthom li nkomplu nsaħħu u nippromwovu l-preżenza tal-Università ta’ Malta f’Għawdex kif ukoll iservi ta’ post fejn l-istudenti, taħt superviżjoni, jingħataw taħriġ hands-on.
Il-Ministru Caruana rrimarkat li minn studju li sar mill-Fakultà tad-Dentistrija permezz tal-proġett tal-mobile clinic, li wkoll sar bi sħubija mal-Ministeru għal Għawdex, irriżulta li f’Għawdex għandna sfidi fejn jidħlu s-saħħa u l-iġjene orali speċjalment fit-tfal. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex daħal fi ftehim mad-Djoċesi ta’ Għawdex biex inkriet proprjetà f’Għajnsielem biex tiġi mgħammra bit-tagħmir kollu meħtieġ biex jopera dan il-proġett li se jkun ta’ fejda għall-istudenti u għall-komunità inġenerali. Fuq kollox hu l-impenn tal-ministeru li tissaħħaħ il-preżenza ta’ istituzzjonijiet edukattivi f’Għawdex biex ikollna iktar opportunitajiet ta’ tagħlim u ta’ taħriġ f’Għawdex stess.
L-Isqof Mario Grech faħħar din l-inizjattiva b’risq il-poplu Għawdxi għax mhux biss qed tindirizza kwistjoni ta’ saħħa imma tmur oltre. L-Isqof Grech tenna s-sodisfazzjon tiegħu li flimkien mal-Ministeru għal Għawdex se jitnieda dan il-proġett f’sit li hu proprjetà tad-Djoċesi Għawdxija.
Ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella qal li l-metodu ta’ tagħlim qed jinbidel fejn illum m’għadniex nitkellmu fuq knowledge triangle imma qed inħarsu lejn knowledge square li tinkludi wkoll il-prattika abbinata mat-tagħlim, mar-riċerka u mal-innovazzjoni. Il-Professur Vella qal li permezz ta’ dan il-ftehim se nilħqu dan l-iskop.