L-Onor. Clifton Grima inawgura il-ftuħ tal-24 edizzjoni tal-MFCC Weddings and Events Expo.
165 Professjonisti mis-settur tat-tiġijiet u organizzazzjoni ta’ kull tip ta’ avveniment ieħor qed jieħdu sehem fil-Weddings and Events Expo waħda mill-akbar u l-isbaħ fieri li ssir f’Malta.
Din il-fiera li ilha ssir f’Novembru għal dawn l-aħħar 24 sena hija il-post artisti, stilisti u negozju jintroduċu prodotti ġodda, l-aħħar moda u innovazzjonijiet biex kull tieġ ikollu dik ix-xi ħaġa speċjali li tibqa’ tissemma. F’din il-fiera jiġu esebiti ħafna ideat u drawwiet ġodda, li x’uhud minnhom illum jsiru parti integrali miċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ u okkażjonijiet oħra.
Il-livell għoli fil-kwalità u ġmiel tal-istands fil-fiera, huma ta’ gieħ kbir kemm għal din l-Expo kif ukoll għal dan is-settur li jgawdi stima kbira anki fis-swieq barranin. Ħafna mill-esibituri huma anki ppreparati biex jaqdu koppji ta’ kulturi u tradizzjonijiet differenti b’dak li jeħtieġu għal tieġ differenti minn dak tal-Maltin.
L-organizzatriċi tal-fiera Joan Haber semmiet inizjattivi favur eluf ta’ negozji f’dan is-settur, fejn hija ser tkun tikkolabora mal-MTA ħalli iktar koppji jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni għat-tieġ tagħhom.
Dan is-Suq, fejn hawn Malta jsiru madwar 2,600 tieġ fis-sena li minnhom xi 900 jkunu bejn għarajjes barranin, jiswa madwar €80 miljun.
Fil fiera l-għarajjes jistgħu jieħdu pariri siewja minsuġa minn snin twal ta’ esperjenza minn esibituri stabiliti, li magħhom ta’ kull sena jingħaqdu numru ta’ esibituri ġodda li fil-fiera jintroduċu lilhom infushom fis-suq kompetittiv tat-tiġijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Grima, semma l-inizjattiva tal-Gvern għat-tiġijiet fejn jiġi rifondati ammont ta’ VAT lil għarajjes, waqt li Joan Haber qalet li it-tiġijiet huma opportunità u vetrina għax-xogħol ta’ ħafna nies b’talenti varji bħal hajjata, koki, stilisti tal-ilbies, xagħar u sbuħija kif ukoll tad-dekor ta’ knejjes, swali u postijiet oħra fejn isiru it-tiġijiet.
L-għarajjes u dawk kollha li ser jorganizzaw xi serata jew kull tip ta’ ċelebrazzjoni, huma mistiedna jattendu għax fl-MFCC Wedddings and Events Expo ssib kulma tista’ tiġi bżonn, minn party zgħir sa l-akbar attività
Il-ftuħ tal-fiera huwa is-Sibt mis-6.30 sal-11.00 u l-Ħadd mis-2.30 sad-9.30.